Lokali Qorti

Iż-żewġ żgħażagħ involuti fil-‘car chase’ f’San Ġwann jerġgħu jitressqu l-Qorti

Iż-żewġ zgħażagħ li allegtament ikkawżaw straġi waqt ‘car chase’ f’San Ġwann nhar il-Ħadd li għadda reġgħu tressqu l-Qorti mixlijin li ħebbew għal numru ta’ Pulizija fil-kuriduri tal-Qorti, ftit wara li tressqu kmieni din il-ġimgħa

Marlon Baldacchino ta’ 19-il sena minn Ħaż-Żabbar, li jaħdem f’barriera, u ġuvni ta’ 16-il sena minn Bormla li ismu ma jistax jixxandar minħabba li għadu taħt l-età ġew mixlijin quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li ħebbew u għamlu reżistenza bi vjolenza fosthom fuq l-Ispettur Joseph Xerri li ressaqhom il-Qorti fuq il-każ tal-car chase.

Ġew mixlija wkoll mill-Ispettur Jeffrey Scicluna li għamlu ħsara fil-mobile tal-Ispettur u li kisru diversi kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti. Huma nżammu arrestati.

L-inċident ta’ nhar il-Ħadd beda f’Tas-Sliema, wara ġirja warajhom mill-Pulizija, hekk kif inqabdu għaddejjin ‘wrong way’, tressqu l-Qorti u nżammu taħt arrest preventiv.

Huma kienu ġew mixlija li saqu karozza tat-tip Toyota Vitz, rappurtata misruqa, b’Baldacchino jiġi mixli wkoll li ikkaġuna ħsara kemm fiha kif ukoll fil-proprjeta tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann kif ukoll li weġġa’ gravi lil Jessica Magro. Fil-fatt fil-karozza kien hemm żewġ tfajliet li waħda weġġgħet gravi u l-oħra ħafif.

Baldacchino kien ġie mixli wkoll li ħabat bil-karozza u li għamel ħsara fil-perimetru ta’ ħajt tal-bandli f’San Ġwann. li għamel ħsara fuq żewġ karozzi u li ħarab minn post tal-inċident, kifn ukoll li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Huwa ġie mixli wkoll b’pusses ta’ kannabis u li kiser diversi kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti.

Li serqu l-karozza Toyota mill-aġenzija Toyota f’Żebbuġ fil-lejl tal-14 ta’ Frar, u li fuqha waħħlu numri ta’ reġistrazzjoni misruqin, li nsterqu minn żewġ parkeġġi fis-27 u d-29 Frat li għadda minn żewġ parkeġġi differenti f’Ħaż-Żabbar u ż-Żurrieq.

Iż-żagħżugh ta’ 16-il sena kien b’mod separat mixli li saq mingħajr liċenzja u li wkoll ma obdiex ordnijiet tal-Qorti f’każ separat. L-Ispettur Joseph Xerri nforma lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li l-Pulizija marru wara ż-żewġ żgħażagħ peress li l-karozza misjuqa minnhom kienet għaddejja ‘wrong way’.

Il-ġirja ntemmet wara li l-karozza baqgħet dieħla fi proprjeta tal-Kunsill Lokali biż-żewġ żgħażagħ fiha jiġu arrestati fuq il-post, u dan wara li ntefa nar li kien ħakem l-istess karozza.

Iż-żewġ żgħażagħ wieġbu li ma kienux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. L-Avukat Franco Debono, li flimkien mal-Avukat Marion Camilleri deher għall-akkużati.