Internazzjonali

L-aħħar żviluppi relatati għal COVID 19…

Il-każi tal-coronavirus fir-Renju Unit qabżu għal 798 mill-590 irrappurtati nhar il-Ħamis. Intant, il-Gvern Britanniku ħabbar li l-elezzjonijiet lokali u għas-Sindku f’ diversi bliet fl-Ingilterra se jkunu posposti b’sena minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Kummissjoni Elettorali qalet li l-elezzjonijiet għandhom ikunu posposti sal-Ħarifa ‘biex inaqqsu’ mill-impatt tal-virus.

Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, irrappurtat biss tmien każi ġodda tal-coronavirus.

Il-Pakistan qed jagħlaq il-fruntieri tal-art kollha waqt li jillimita t-titjiriet internazzjonali għal ħmistax-il jum. Dan fost l-għeluq tal-iskejjel kollha madar il-pajjiż.

L-Ukrajna saret l-aħħar pajjiż li ħabbret ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar minħabba l-coronavirus. Il-fruntieri tal-pajjiż, minn għada, jingħalqu għall-barranin kollha fuq perjodu ta’ ġimgħatejn.

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, li fl-aħħar jiem irrefera għall-coronavirus bħala ‘fantasija’, ittestja pożittiv għall-infezzjoni, jiem wara li attenda għal ikla mal-President tal-Istati Unti, Donald Trump. Bolsonaro rritorna pajjiżu din il-ġimgħa wara laqgħa li kellu ma’ Trump bħal-lum ġimgħa fir-resort ta’ Mar-a-Lago (ta’ Trump) f’Miami.

Fi Spanja, minn għada, jibda stat ta’ emerġenza b’konnessjoni mal-pandemija. Dan wara stqarrija speċifika mingħand il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez — bl-‘istat tal-allarm’ jippermetti lill-Gvern biex, fost oħrajn, jillimita l-movimenti tal-persuni u vetturi filwaqt li jordna l-evakwazzjonijiet u, fl-istess ħin, jipprojbixxi l-aċċess lejn ċerti zoni.

L-iskejjel fis-Slovenja kellhom l-aħħar jum ta’ lezzjonijiet qabel issir effettiva (għada) id-direttiva għall-għeluq ta’ dawn il-kumplessi. Dan meta ħafna familji Sloveni kienu diġà qed iżommu lil uliedhom id-dar fost l-ansjetà.