L-Unjoni Ewropea se tħallas 2,000 ewro lil kull wieħed mill-immigranti li qegħdin jgħixu qalb il-kampijiet iffullati fil-Gżejjer Griegi li huma lesti biex jirritornaw lejn pajjiżhom ta’ oriġini. Il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, Yiva Johansson, ħabbret li din l-iskema, li qed tkun implimentata bi ftehim mal-Gvern Grieg, hi waħda temporanja ( miftuħa għal xahar biss) filwaqt li valida biss għall-immigranti li waslu fil-Gżejjer Griegi qabel l-Ewwel ta’ Jannar.
Johansson qalet ukoll li madwar 5,000 immigrant huma eliġibbli għar-‘ritorn volontarju’ lejn pajjiżhom.
Dan ix-xahar, mijiet ta’ immigranti u refuġjati waslu fil-Gżejjer Griegi ( qrib it-Turkija) wara vjaġġi bid-dgħajjes – b’dan il-moviment iżid il-pressjoni fuq iċ-ċentri li qed jippruvaw ilaħħqu mal-influss hekk qawwi ta’ nies. Il-kampijiet fuq il-Gżejjer Griegi diġà għandhom mat-42,000 persuna li qed ifittxu l-kenn politiku minkejja li huma attrezzati biss għal xi 6,000 resident.
Kelliema għall-aġenzija tal-għajnuna Medecins Sans Frontieres (MSF), li għandha n-nies tagħha qegħdin jagħmlu x-xogħol ta’ fejda fil-Gżejjer Griegi, ikkonfermat li ‘il fuq mill-14,000 immigrant fl-inħawi huma tfal.
Stephan Oberreit, il-Kap tal-Missjoni tal-MSF fil-Greċja, qal, sadanittant, li ‘l-irġiel, in-nisa u t-tfal qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet xokkanti qalb iċ-ċentri pakkjati bin-nies u meta ħajjithom hi ddominata b’sens ta’ biża’ u inċertezza’. Dan waqt li l-immigranti fil-kampijiet għandhom aċċess ferm limitat għall-aktar servizzi bażiċi.
//= $special ?>