Il-qawwiet tal-Istati Uniti wettqu sensiela ta’ azzjonijiet militari biex jirritaljaw kontra grupp tal-milizji li jappoġġja lill-Iran u li hu bbażat fit-territorju Iraqi.
Il-milizji, qabel, kienu qatlu żewġ suldati Amerikani u suldat Britanniku permezz ta’ attakk missilistiku u, sigħat wara, il-qawwiet tal-ajru tal-Istati Uniti konċentraw numru ta’ attakki fuq ħames faċilitajiet tal-armamenti madwar l-Iraq.
L-aggressjoni fuq il-militar Amerikan kien dirett lejn il-bażi militari ta’ Camp Taji li spiċċat ibbumbardjata bir-rokits.
Intant, il-militar Iraqi qal li tliet suldati, żewġ pulizija u ċivili sfaw maqtula fl-azzjonijiet ritaljatorji mill-qawwiet Amerikani.
Il-militar Iraqi qal ukoll li l-Istati Uniti wettqet ‘attakk sfaċċat’ fuq is-siti militari tal-Iraq fil-provinċja ta’ Babil, fejn, fost oħrajn, intlaqat ajruport li għadu taħt kostruzzjoni fil-provinċja ta’ Kerbala. Ingħad ukoll li l-qawwiet Amerikani laqtu lill-kwartieri-ġenerali tal-qawwiet għall-Mobilizzazzjoni Popolari – entità ‘kollettiva’ ta’ milizji li hi, uffiċjalment, parti mill-qawwiet tas-sigurtà tal-Iraq.
Min-naħa tagħhom, l-Amerikani jemmnu li l-bumbardament ta’ Camp Taji kien dovut għall-ġellieda tal-Kataib Hezbollah, li hu fost l-aktar gruppi b’saħħithom fost il-qawwiet tal-Mobilizzazzjoni Popolari.
Il-Ġeneral Kenneth McKenzie, li jmexxi s-Central Command tal-militar Amerikan, informa kumitat tas-Senat tal-Istati Uniti li ‘il-Kataib Hezbollah hu l-uniku grupp li, qabel, kien mexxa attakk fuq dan il-livell kontra l-qawwiet Amerikani u l-koalizzjoni ta’ pajjiżi alleati ( mal-Istati Uniti) fl-Iraq.’
Dan waqt li d-Dipartiment tad-Difiża Amerikan ikkonferma sensiela ta’ ‘azzjonijiet ta’ difiża u li saru bi preċiżjoni’ min-naħa tal-qawwiet tal-ajru fuq il-faċilitajiet tal-Kataib Hezbollah…Faċilitajiet ‘fejn kienu qed jinżammu l-armamenti li ntużaw għall-attakki fuq it-truppi Amerikani u tal-koalizzjoni fit-territorji Iraqqin’.
Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Mark Esper, sostna, sadanittant, li l-Istati Uniti mhix se tittollera attakki fuq in-nies u l-interessi tagħha u lanqas mgħandha taċċetta aggressjoni fuq l-alleati tagħha, fl-Iraq. Esper enfasizza li ‘l-Amerikani se jieħdu kull azzjoni neċessarja biex jipproteġu lill-qawwiet tagħhom.’
Intant, l-Istati Uniti akkużat lill-milizji appoġġjati mill-Iran dwar tlettax il-attakk simili fuq il-bażijiet tal-Iraq li qegħdin iżommu lill-qawwiet tal-koalizzjoni f’din l-aħħar sena.
//= $special ?>