Coronavirus Sport Sport Ieħor

Pospost il-bidu tal-Giro d’Italia

(Ritratt: Giro d'Italia)

Iċ-ċikliżmu wkoll qed jintlaqat mit-tixrid tal-coronavirus u saħansitra poġġa f’dubju serju l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Giro d’Italia. Il-Kumitat Organizzattiv Ungeriż ikkanċella l-ewwel tliet stadji ta’ din l-edizzjoni li kellhom isiru fl-Ungerija minħabba l-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż.

“RCS Sport, wara li ħadet nota tas-sitwazzjoni internazzjonali u nazzjonali, tħabbar li d-data tal-Giro d’Italia tal-2020 hu pospost,” qalet l-istqarrija. Huma qalu li l-organizzaturi se jaħdmu mal-awtoritajiet tal-pajjiż biex iħallu l-bida tat-tellieqa ssir f’data aktar tard. L-ebda data ġdida mhu se titħabbar għat-tellieqa qabel it-3 ta’ April wara li ssir konsultazzjoni mal-Gvern Taljan u awtoritajiet oħra.

Din kellha tkun l-14-il darba fl-istorja li l-Giro d’Italia jibda barra l-Italja. L-ewwel tappa kienet mistennija tibda fid-9 ta’ Mejju fil-kapitali Ungeriża Budapest b’distanza ta’ 8.6 kilometru. It-tieni stadju kellu jsir minn Budapest għal Györ l-għada b’distanza ta’ 195 kilometru, bit-tielet stadju hu ppjanat li jsir Székesfehérvár għal Nagykanizsa b’distanza ta’ 204 kilometru.