Coronavirus Futbol Sport

Posposti l-logħbiet taċ-Champions League u l-Europa League

(Ritratt: EPA)

Il-UEFA kkonfermat li pposponiet il-logħbiet tal-ġimgħa d-dieħla taċ-Champions League, l-Europa League, il-UEFA Youth League kif ukoll il-poloz tal-kwarti tal-finali taż-żewġ kompetizzjonijiet. Kawża tat-tixrid tal-coronavirus, diversi logħbiet ġew posposti jew intlagħbu bil-bibien magħluqa.

Il-logħbiet Valencia v Atalanta u PSG v Borussia Dortmund mill-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League li ntlagħbu din il-ġimgħa, saru bil-bibien magħluqa. Dan minbarra li l-logħbiet tal-ġimgħa d-dieħla bejn Manchester City u Real Madrid kif ukoll Juventus kontra Olympique Lyon ġew posposti l-Ħamis. Mill-Europa League, il-logħbiet Inter v Getafe u Sevilla v Roma ġew posposti filwaqt li l-logħbiet Olympiakos v Wolves u LASK v Manchester United intlagħbu bil-bibien magħluqa.

Fi stqarrija l-UEFA qalet li “fid-dawl tal-iżviluppi minħabba t-tixrid tal-Covid-19 Fl-Ewropa u deċiżjonijiet marbuta minn diversi gvernijiet, il-logħbiet tal-kompetizzjonijiet tal-klabbs tal-UEFA skedati għal ġimgħa d-dieħla ġew posposti. Aktar deċiżjonijiet meta dawn il-logħbiet jintlagħbu jiġu kkomunikati fiż-żmien opportun.”

Ilbieraħ il-UEFA stiednet lill-assoċjazzjonijiet membri kollha flimkien mal-bordijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-klabbs, il-Kampjonati Ewropej u rappreżentant tal-FIFPro għal laqgħa videoconference t-Tlieta li ġej. F’din il-laqgħa se jkun diskuss l-aħjar mod kif jitkomplew il-kompetizzjonijiet tal-klabbs Ewropej kif ukoll domestiċi, bil-Kampjonat Ewropew skedat għal Ġunju mistenni jkun pospost għas-sajf tas-sena d-dieħla.