Atletika Coronavirus Sport

Semenya se tibda tikkompeti fil-200 metru

(Ritratt: EPA)

Iċ-champion Olimpika tat-800 metru Caster Semenya ħabbret li se tibdel il-kompetizzjoni li tieħu sehem fiha u se tibda tikkompeti fil-200 metru, bl-għan li tikkwalifika għall-Olimpjadi ta’ Tokyo din is-sena. F’kitba fuq Instagram, Semenya kitbet li kif kulħadd hu konxju ma tistax tiddefendi t-titlu Olimpiku fit-800 metru. “Il-ħolma tiegħu dejjem kienet u se tkompli tkun li nikkompeti fl-ogħla livell tal-isport u għalhekk biex nibqa’ nsegwi l-għanijiet u l-ħolm tiegħi, iddeċidejt li nibdel l-avveniment u nikkompeti fil-200 metru.”

Hi qalet li d-deċiżjoni ma kinitx faċli iżda sostniet li bħal dejjem tħares b’ottimiżmu għal din l-isfida. Semenya qalet li se tagħmel minn kollox biex tikkwalifika għal Tokyo u tikkompeti bl-aħjar abbiltà biex tirrappreżenta lill-Afrika ta’ Isfel. Fl-2018, il-World Athletics ipproponiet bidla fir-regoli dwar il-livell ta’ testosterone fl-atleti femminili li jikkompetu fl-400 metru, fit-800 metru u fl-1,500 metru, b’Semenya tisfida din id-deċiżjoni fil-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport.