Lokali Qorti

Ian Abdilla kien se jinterroga lil Yorgen Fenech ma’ kafe f’Portomaso dwar 17Black

Iżda l-laqgħa tħassret minn Silvio Valletta għax Yorgen Fenech ħassu ma jiflaħx

Is-Supretendent Ian Abdilla kkonferma li kien se jinterroga lil Yorgen Fenech f’Novembru 2018 f’Portomaso għal kafe minflok isejjaħlu fid-Depot tal-Pulizija għal aktar stħarriġ dwar dak li ġie żvelat fuqu li huwa s-sid ta’ 17 Black.

Meta kien fi triqtu lejn San Ġiljan, l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta ċempel lil Abdilla jinfurmah li tħassret il-laqgħa u jdawwar lura lejn il-Kwartieri għaliex Yorgen Fenech kien ma jiflaħx.

Din l-informazzjoni ħarġet mill-mistoqsijiet tal-Avukat Jason Azzopardi fix-xhieda tas-Supretendent Ian Abdilla, meta l-Ġimgħa xehed quddiem l-bord tal-inkjesta b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Meta kien mistoqsi diversi domandi fuq il-kumpanija 17 Black, li hija propjetà ta’ Yorgen Fenech, Abdilla qal li huwa kien lest li jixhed dwarha bil-magħluq, u fil-fatt il-bqija tax-xhieda tiegħu kompliet tinstema’ bil-biebin tal-awla magħluqin.

Mistoqsi għaliex kienu sejrin huma Portomaso fejn kien joqgħod Yorgen Fenech, u mhux kif inhi l-proċedura normali, anki għall-Imħallfin, li jissejħu d-depot jekk il-pulizija jkunu jridu jkellmuhom jew jinterrogawhom.

Abdilla qal li f’dan l-istadju, Fenech ma kienx qed jitqies bħala suspettat u sostna li kien Silvio Valletta nnifsu li kien issuġerixxa li jmorru jkellmuh Portomaso.

Mistoqsi jekk kienx staqsa lil Valletta kif kien jaf li Fenech ma kienx f’siktu, huwa wieġeb li ma indagax dwar dan u huwa ma kienx jaf li t-tnejn kienu ħbieb.

Dwar Valletta, Abdilla qal li dan kien is-superjur tiegħu fil-Korp tal-Pulizija fi żmien meta huwa kien fuq il-Bord tal-FIAU. Dwar Keith Schembri, Abdilla qal li kien iltaqa’ miegħu darbtejn fl-2017 u waħdu. Dan wara li kien Schembri li ċempillu fuq rapporti fuq li kienu ġew leaked.

Abdilla qal ukoll li kemm huwa u anke l-eksAssistent Kummissarju Silvio Valletta kienu jattendu għal-laqgħat tal-bord tal-FIAU. Il-Bord ta’ Inkjesta staqsa wkoll dwar il-Bank Pilatus u meta nqabad Ali Sadr Hasheminejad ħiereġ mill-bank. Abdilla qal li huma għandhom filmati tas-CCTV minn meta Ali Sadr wasal Malta bl-ajruplan sakemm wasal il-bank. Qal li minn filmati tas-CCTV fil-bank, Ali Sadr jidher joħroġ iċ-charger tla-mobile u notepad.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lix-xhud jekk l-ECU pparteċipatx fl-investigazzjonijiet konġunti tal-Europol fuq dawn ir-rapporti li huma fid-dominju pubbliku, u f’kemm investigazzjonijiet tat-tip ipparteċipaw. Abdilla qal li fuq dan ma jistax jixhed f’qorti miftuħa.

Tenna li ma jridx jagħmilha ta’ bniedem diffiċli u kkwota l-att tal-ħasil tal-flus li jgħid li hu ma jista’ jiżvela xejn u huwa d-direttur tiegħu biss li jista’ jagħtih il- permess li jitkellem.

Comodini Cachia staqiet jekk kienx irċieva xi rapporti mingħand Keith Schembri, liema rapporti waslu għand il-media. Abdilla qal li ma jafx x’ġabet il-media u li iżda huwa marbut bis-segretezza professjonali. U hawn reġa’ alab biex jixhed ixhed wara bibien magħluqa.

Fix-xhieda tiegħu Abdilla qal ukoll li s-sezzjoni tar-reati ekonomiċi fil-Pulizija, kienet mifnija bix-xogħol fl-2013 u ħadd ma beda jlaħħaq max-xogħol, anzi r-riżorsi umani kienu bdew jiżdiedu wara li kien ġien żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers.

Abdilla beda biex qal li dejjem ħadem mat-taqsima tar-reati ekonomiċi anki meta kien promoss bħala superintendent fl-2015 u bħala assistent kummissarju fl-2018.

Huwa wieġeb domandi dwar ir-riżorsi fi ħdan din it-taqsima, u l-kwalifiki tal-uffiċjali tal-pulizija li jaħdmu f’din is-sezzjoni. Qal li jirrikonoxxi li hemm problema ta’ riżorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fi kwalunkwe sezzjoni u mhux biss f’Malta iżda anki fl-Ewropa.

Dan kollu minħabba li qed tikber id-domanda għall-reati li kienu jirrikjedu attenzjoni minnufih bħall-immigrazzjoni. Kompla jgħid li hemm madwar 60 uffiċjal tal-pulizija li jaħdmu fi ħdan l-Economic Crimes Unit.

Seba’ spetturi tal-Pulizija jaħdmu fil-kriminalitajiet ekonomiċi filwaqt li erba’ fil-ħasil tal-flus. Il-unit biddlet isimha għall-Financial Crimes Unit li hija magħmula minn żewġ squads.

L-Imħallef Mallia staqsa jekk is-Superintendent u l-Ispetturi tal-Pulizija għandhomx taħriġ speċjalizzat relatata max-xogħol tagħhom. Abdilla spjega li l-għażla tal-istaff dejjem waqgħet f’idejn il-Kummissarju tal-Pulizija.

Ian Abdilla tkellem dwar il-limiti tal-bini fejn tinsab il-unit u li fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jimxu għal binja ġdida li takkomoda sa 120 uffiċjali. Tenna li s-Superintendent Ray Aquilina riċentament spiċċa s-servizz u li bħalissa hemm żewġ persuni ċivili li jagħmlu l-analiżi. Aktar tard din is-sena se jidħol analist fil-qasam tal-blockchain.

L-Avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, Andrew Borg Cardona u Peter Caruana Galizia qed jassistu l-familja tal-ġurnalista Caruana Galizia.

Il-Bord ta’ Inkjesta huwa magħmul mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, bħala ċ-Chairperson tal-Bord u żewġ membri oħra, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.