Internazzjonali

Tieħu l-ġurament l-ewwel President mara tal-Greċja

L-ewwel President mara tal-Greċja, Katerina Sakellaropoulou, ingħatat il-ġurament għal mandat ta’ ħames snin, waqt ċerimonja organizzata fuq skala minima minħabba l-epidemija tal-coronavirus.

Sakellaropolou, li ta’ 64 sena hi eks President tal-Kunsill tal-Istat (l-ogħla qorti amministrattiva tal-Greċja) qed tassumi l-Presidenza tal-pajjiż bħala s-suċċessur ta’ Prokopis Pavlopoulos.

Il-President ġdid ħadet il-ġurament quddiem numru limitat ta’ deputati u uffiċjali oħra, peress li l-Greċja qed tipprojbixxi l-laqgħat pubbliċi, fost id-direttivi għall-għeluq tal-iskejjel u t-teatri bil-għan li ma jinfirixx il-coronavirus.

Fiċ-ċerimonja ta’ Ateni, spikka l-fatt li ħadd ma seta’ jieħu b’idejn ħaddieħor, bħala prekawzjoni fl-interessi tas-saħħa.