Lokali

AĠĠORNATA: 159 immigranti għadhom qed jistennew l-għajnuna bejn sema u ilma

Madwar 110 persuna spiċċaw fil-periklu bejn sema u ilma f’territorju Malti fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu.

Dan tħabbar minn Alarm Phone hekk kif ġie spjegat li l-immigranti kienu diġà ilhom mat-30 siegħa f’wiċċ ta’ baħar isejħu għall-għajnuna abbord dinghy wara li ħarbu mil-Libja.

Kelliema għal Alarm Phone stqarrew li infurmaw lill-Forzi Armati ta’ Malta kemm permezz ta’ e-mail kif ukoll permezz tat-telefown kif ukoll aġġornaw l-AFM tal-inqas 8 darbiet dwar il-moviment tad-dinghy.

Sar magħruf li l-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermaw magħhom permezz ta’ telefonata li taw il-pożizzjoni tal-immigranti lit-tanker taż-żejt Guneshli, li kien jinsab għoxrin mil nawtiku ‘l bogħod mid-dinghy.

Dan filwaqt li Alarm Phone spjegaw li l-AFM talbuhom biex jikkomunikaw mal-persuni abbord id-dinghy biex b’xi mod jagħmlu dawl bħala mezz ta’ sinjal sabiex it-tanker isibhom. Sussegwentament għall-ħabta tal-ħamsa ta’ dalgħodu, l-AFM ikkonfermaw li l-vapur kien sab lill-immigranti.

Madanakollu Alarm Phone saħqu li wara sagħtejn il-Forzi Armati ta’ Malta spjegawlhom li t-tanker baqa’ sejjer mingħajr ma’ salva lill-immigranti bla ma ngħatat raġuni valida għal dan l-aġir.

Abbord id-dinghy qed jiġi rrapportat li hemm numru ta’ tfal u jinsabu fi stat ta’ disprament.

Intant ġie rrapportat ukoll li hemm dgħajsa oħra b’49 immigranti abbord fit-territorju Malti. Madanakollu Alarm Phone qed jallegaw li l-Forzi Armati ta’ Malta mhux jirrispondu għat-talbiet ta’ għajnuna.

Huma saħqu li pajjiżna huwa responsabbli għas-salvataġġ ta’ dawn il-persuni l-għaliex jinsabu fil-periklu f’ibħra Maltin bl-aħħar kuntatt magħhom ikun għall-ħabta ta’ nofsinhar.