Coronavirus Lokali

AĠĠORNATA: 18-il każ ta’ Coronavirus f’Malta

Sa issa, l-ebda trażmissjoni lokali

Ħames każijiet ġodda rriżultaw pożittivi biex b’hekk f’Malta hawn total ta’ 18-il każ. Il-każijiet kollha ħarġu wara li persuni rritornaw lura lejn pajjiżna minn pajjiżi nfettati bil-Coronavirus, b’hekk il-każijiet kollha huma impurtati.

Malti ta’ 33 sena ittestja pożittiv għall-Coronavirus wara li hu ġie lura marid mill-Irlanda. Fil-fatt, l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin ikkonfermaw li dan ir-raġel ħarġulu s-sintomi waqt li kien barra minn pajjiżna u b’hekk kien marid anke fuq it-titjira.

Każ ieħor hu ta’ raġel Malti li ġie lura minn Barċelona fid-9 ta’ Marzu u ħarġulu s-sintomi fit-13 ta’ Marzu. Fortunatament, hu segwa l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa u ma marx ix-xogħol wara li ġie lura Malta.

Raġel Russu li jgħix Malta wkoll ittestja pożittiv għall-Covid-19. Ir-raġel jaħdem f’kumpanija privata u jgħix ma’ persuna oħra.

Koppja, li huma mill-Italja u minn Hong Kong, ittestjaw pożittivi fil-11 ta’ Marzu u qed isiru testijiet fuq kollegi tagħhom.

Tard bil-lejl kien konfermat il-każ ta’ studenta Maltija ta’ 19-il sena li rriżultat pożittiva għal Covid-19. Din it-tfajla laħqet marret għal lezzjoni waħda l-Universita’. Numru ta’ testijiet qed isiru fuq studenti li kienu waqt din l-istess lezzjoni. Hija waslet Malta fuq flight minn Brussles, l-istess titjira li abbord fuqha kien hemm każ ieħor imħabbar ta’ COVID-19.

Il-Profs. Gauci preċiżat tgħid li ż-żewġ persuni ma kienux bilqiegħda fejn xulxin abbord it-titjira.

B’hekk, f’ġimgħa waħda kellna 18-il każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna.

Il-Professur Charmaine Gauci f’konferenza tal-aħbarijiet qalet li bħalissa għaddejin rondi mill-Pulizija biex jiġi żgurat illi l-kwarantina tiġi osservata.

Dwar is-sejħa għat-travel ban, Profs. Gauci qalet li l-pariri li qed jingħataw huma skont l-evidenza li qed jaraw bħala awtoritajiet tas-saħħa. Dan filwaqt li saħqet li l-iscreening fl-ajruport għandu l-limiti tiegħu hekk kif minkejja li persuna tista’ tkun sintomatika – ġaladarba ma jkolliex id-deni hi u għaddejja quddiem l-iscreen ma tinqabax.

Dan bħal ma seħħ f’każ partikolari, meta persuna ġejja minn barra minn xtutna niżlet bis-sintomi ta’ COVID-19 minn fuq l-ajruplan iżda ma twaqfitx bl-iscreening u konsegwentament marret sagħtejn fuq il-post tax-xogħol.