Coronavirus Għawdex Saħħa

“Għawdex għadu ħieles mill-virus” – Clint Camilleri

“Għawdex għadu ħieles mill-virus”. Sostna dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fi stqarrija. Il-Ministru għal Għawdex ta dettalji dwar il-miżuri li qed jittieħdu biex il-virus ma jinxteridx lejn Għawdex.

Il-Ministru qal li ta struzzjonijiet sabiex bil-lejl jiġu ffumigati l-vapuri kollha tal-Gozo Channel, liema proċedura bdiet fil-lejl bejn il-Ħamis u l-bieraħ u se tkompli kull lejl.

Minn dalgħodu, beda l-iscreening ta’ passiġġieri li jgħaddu mit-terminals taċ-Ċirkewwa, inkluż dawk li jitilgħu bil-karozza. Jekk kien hemm xi individwu li kien espost għall-virus jew juri xi sintomi relatati ma’ dan l-istess virus, ma jitħalliex jirkeb abbord il-vapur.

Operaturi tad-dgħajjes tat-turisti mhux se jitħallew iħottu n-nies fuq il-mollijiet ta’ Għawdex sabiex l-uniku punt ta’ dħul fil-gżira Għawdxija se jkun il-vapuri tal-Gozo Channel.

Clint Camilleri qal li jekk ifeġġ każ ta’ Covid-19 f’Għawdex, il-pazjent jittieħed b’mod sigur għal Malta.

Hu appella lil employers li jħaddmu madwar 3,000 Għawdxin f’Malta sabiex jikkonsidraw jimplimentaw it-teleworking.