Lokali

Ħames snin ħabs wara li nstab ħati ta’ qtil

Etienne Bartolo magħruf bħala “Il-Vojt” ta’ 39 sena ġie kundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li kkommetta eċċess ta’ legittima difesa fil-konfront ta’ Roderick Grech, tliet snin ilu f’Birkirkara. Il-ġurati wara ftit aktar minn sitt sigħat ta’ deliberazzjoni waslu għall-verdett tagħhom b’seba’ voti kontra tnejn. Għaldaqstant Bartolo nstab ħati ta’ omiċidju imma skużabbli b’eċċess ta’ ‘self defence’.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li jrid jitnaqqas iż-żmien li Bartolo għamel taħt arrest preventiv. Dan ifisser li jekk joqgħod bil-għaqal huwa ikun baqalu jiskonta madwar sena u nofs ħabs. Huwa ġie ordnat ukoll mill-Qorti biex iħallas €19,000 fi spejjeż tal-Qorti u li jekk dawn ma jitħallsux jiġu konvertiti f’sena u nofs ħabs.

Il-piena massima ta’ meta wieħed ikun eċċeda l-limitu waqt li jkun qed jiddeffendi lilu nniffsu hija ta’ 12-il sena ħabs. Sadanittant Bartolo b’mod unanimu nstab ħati li kellu arma mingħajr liċenzja u li kiser il-paċi pubblika.  

Kien għall-ħabta ta’ nofs-inhar li l-ġurati ntbagħtu mill-Imħallef sabiex joħorġu b’verdett, wara li hija temmet l-indirizz tagħha. Huma riedu jiddeċiedu jekk Bartolo qatilx lil Grech, magħruf bħala ‘Iċ-China” b’mod volontarju jew inkella jekk dan wettaqx ir-reat wara li Grech aggredih.  

Il-ġurati minn naħa tagħhom iddeċidew li huwa minnu li Bartolo ddeffenda lilu nniffsu, imma kien eċċessiv izzejjed fil-komportament tiegħu. L-aggressjoni bejn it-tnejn kienet seħħet f’karozza, li kienet qed tiġi misjuqa mill-vittma minn Naxxar sa Birkirkara, meta qam l-argument li fih tilef ħajtu Grech.

L-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-avukat Mark Vassallo deher għall-akkużat filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali  

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia deheru bħala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma. Bartolo kien qed jiġi akkużat li qatel lil Roderick Grech ta’ 26 sena, f’Birkirkara u dan talli l-vittma ma riedtx ibiegħlu d-droga bid-dejn. Bartolo ta d-daqqiet ta’ arma li taqta u bil-ponta fuq in-naħa ta’ wara tal-għonq tal-vittma, f’sidru, f’saqajh u jdejh.