Coronavirus Lokali Saħħa

“Ikollna konsegwenzi devastanti jekk nistennew li l-virus jibda jinfirex lokalment qabel nagħmlu lockdown” – MAM

Ritratt Al Jazeera

Ftit sigħat biss wara li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, kienet ħarġet stqarrija oħra issejjaħ għal lockdown immedjat, l-istess assoċjazzjoni ħarġet stqarrija oħra bit-titlu “Ngħalqu x-xatba wara li jisfrattaw iż-żwiemel”.

L-istqarrija hija reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru li reġa’ għaldarboħra naqas li jordna lockdown f’pajjiżna biex jiġi evitat li jkompli jinfirex il-virus kontaġġjuż Covid-19.

Fl-istqarrija tagħha, il-MAM tisħaq qalet li l-Prim Ministru ikkonferma li lockdown se jkollu jsir bilfors, u qed jikkontradixxi lilu nnifsu meta jgħid li t-tbatija mi-lockdown huwa agħar mill-virus innifsu, imbagħad fl-istess nifs jiddikkjara li jkollna nagħmlu lockdown jekk ikolna kriżi.

L-assoċjazzjoni żiedet tgħid li dan huwa virus ġdid u li ma hemm l-ebda soluzzjoni miktuba fi ktieb, imma li rridu nieħdu lezzjonijiet minn pajjiżi oħra.

L-istqarrija tkompli tgħid li hemm żmien pjuttost twil bejn meta wieħed jiġi infettat u meta jibdew is-sintomi tal-virus, u għalhekk jekk nistennew li jkun hawn firxa kbira tal-virus, dan jaf ikollu konsegwenzi devastanti fuq is-saħħa tal-pubbliku. Dan, tkompli l-assoċjazzjoni, aktar w’aktar f’pajjiż żgħir u b’popolazzjoni densa bħal tagħna.

Il-MAM temmet tgħid li l-miżuri nofs kedda li ħadu ċ-Ċina, l-Italja u fl-aħħar ħin Spanja, nafu fiex issarrfu, u kien biss meta ċ-Ċina sejħet għal lockdown totali li l-epidemija twaqqfet b’mod totali.