Lokali

Il-ġurati jidħlu jiddeliberaw fil-ġuri tal-“Vojt” mixli b’omiċidju

Il-ġurati daħlu jiddeliberaw fil-ġuri ta’ Etienne Bartolo magħruf bħala “Il-Vojt” ta’ 39 sena li jinsab mixli bil-qtil ta’ Roderick Grech, tliet snin ilu f’Birkirkara. Dan wara ndirizz twil mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera lill-ġurati li bdietu l-Ġimgħa filgħaxija u komplietu dalgħodu.  

Kien għall-ħabta ta’ nofs-inhar li l-ġurati ntbagħtu sabiex joħorġu b’verdett fejn iridu jiddeċiedu jekk Bartolo qatilx lil Grech, magħruf bħala ‘Iċ-China” b’mod volontarju jew inkella jekk dan għamilx dak li għamel wara li Grech aggredih.  

L-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-avukat Mark Vassallo qed jidher għall-akkużat baqa’ jinsisti fuq it-teżi ta’ ‘self defence’ fejn fid-difiża tiegħu kien talab lill-ġurati biex ma jħallux il-preġudizzju jidħol fin-nofs mal-verdett.

“Minkejja li persuna tieħu d-droga ma jfissirx li dan timxu miegħu b’mod differenti, l-istess għall-persuni li huma nvoluti fit-traffikar tad-droga”, huwa qal.

L-Avukat, kif saħaq kemm il-darba għafas ħafna mal-ġurati fuq il-fatt li skont hu ħadd ma joqtol għal doża żgħira ta’ droga. Minn naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qed timxi fuq it-teżi li l-akkużat mhux minnu li kien qed jibża’ mill-vittma li sofra minn sitt daqqiet ta’ mus iżda beża’ biss li kien se jinqabad.

Minn naħa tagħha l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-avukat Kevin Valletta, li flimkien mal-avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni mxew fuq it-teżi li l-akkużat ma kellux għaliex jaġixxi b’dak il-mod u għamel dak li għamel għax ried id-droga akkost ta’ kollox.

Sadanittant l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet lill-ġurati biex jiżnu l-fatti li semgħu fl-awla tal-Qorti biex jaqslu għall-verdett u jannalizzaw bir-reqqa il-fatti tax-xhieda li huma semgħu f’dan il-ġuri.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qegħdin jidhru bħala parti-ċivili għan-nom tal-vittmi. Bartolo qed jiġi akkużat li qatel lil Roderick Grech ta’ 26 sena, f’Birkirkata u dan talli allegatament il-vittma ma riedtx ibiegħlu d-droga bid-dejn. Bartolo qed jiġi akkużat li ta d-daqqiet ta’ arma li taqta u bil-ponta fuq in-naħa ta’ wara tal-għonq tal-vittma, f’sidru, f’saqajh u jdejh.

L-akkużat kien mar biex jixtri d-droga mingħand il-vittma imma dak il-ħin ma kellux flus fuqu u qallu li kien se jħallsu l-għada. Dan il-fatt urta lill-vittma u hawn it-tnejn argumentaw f’karozza fil-lokalità ta’ Birkirkara u seħħ l-inċident.