Lokali

Il-Prim Ministru għadu ma ħa ebda azzjoni biex jitkeċċa l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla – PN

“Il-Prim Ministru għadu ma ħa ebda azzjoni biex jitkecca l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla,” saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, Beppe Fenech Adami qal li ilbieraħ fil-Qorti sar magħruf illi Ian Abdilla flok investiga lil Keith Schembri, Konrad Mizzi, Yorgen Fenech jew oħrajn fuq rapporti u provi ta’ ħasil ta’ flus, kien qed ikollu laqgħat ma’ uħud mill-kriminali propju sabiex tiġi evitata tali investigazzjoni.

Illum nafu li bil-barka ta’ Joseph Muscat fil-pajjiż inħolqot sitwazzjoni fejn flok kriminali jiġu investigati, kellna u għad għandna kriminali f’konfoffa ma’ membri fil-korp biex propju jaħarbu mill-ġustizzja. Jekk verament il-Prim Ministru Robert Abela jrid li f’dan il-pajjiż issir il-ġustizzja għandu immedjatament jara illi kriminali u pulizija fil-korp f’konfoffa mal-istess kriminali jiġu investigati.

Issa l-mument tal-prova għal Prim Ministru. Jew jara li jiġu investigati l-kriminali jew inkella jkun qed jintbagħat s-sinjal li lest jaċċetta s-sitwazzjoni li ħoloq Joseph Muscat li tiegħu kien konsulent. L-kontinwità f’impunità kissret lil dan il-pajjiż.