Coronavirus Lokali

“Jeħtieġ nissalvagwardjaw ħajjiet il-Maltin u l-Għawdxin” – Adrian Delia

Ritratt: Martin Agius

“Huwa ċar li l-pajjiż tagħna għandu bżonn ma jasalx għall-parti tal-pandemija li ssir perikoluża. Għandna l-aħħar ftit sigħat ċans li nieħdu deċiżjonijiet iebsin, mhux populisti. Il-lockdown hu essenzjali biex flimkien insalvaw il-ħajjiet tal-Maltin u l-Għawdxin”.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan wara ġurnata sħiħ li tulha ma waqqfux l-appelli ta’ unions u assoċjazzjonijiet sabiex il-Gvern jordna lockdown tal-pajjiż.

Fost stqarrijiet li qalu li l-lockdown m’għandux jissejjaħ meta nilħqu punt ta’ kriżi, iżda bħala miżura ta’ prevenzjoni, il-Prim Ministru baqa’ jinjora dawn is-sejħiet u jgħid li lockdown huwa perikoluż.

Adrian Delia qal li wara li fl-aħħar jiem, l-Italja u Spanja fost l-oħrajn raw il-każi tagħhom jisplodu, pajjiżna s-Sibt filgħodu ra lill-Prim Ministru u lill Ministri tiegħu iħabbru miżuri fjakki li ma ssodisfawx it-talbiet tan-negozji.

Hu qal li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna  tkellem fuq is-surplus minflok fuq is-sodod li setgħu tlestew għal sitwazzjoni bħal din.

Adrian Delia qal li ma jistax jifhem kif il-Ministru Silvio Schembri jista’ jagħti serħan il-moħħ lil min qed jagħlaq in-negozji tiegħu u mbagħad jagħti eżempju ta’ min qed jaqla mitt elf ewro, fl-istess waqt li ħafna huma dawk li qed jibżgħu li sa nhar it-tnejn ikollhom jagħlqu l-bibien tagħhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-Gvern irid ikompli jsostni lin-negożji filwaqt li jissalvagwardja l-ħajjiet tal-Maltin u l-Għawdxin.