Filwaqt li laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar tar-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar kollu, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) tinsisti li għandu jkun implimentat lockdown immedjatament.
Fi stqarrija, MAM qalet li minkejja l-intenzjonijiet tajba warajhom, l-esperjenzi fiċ-Ċina u l-Italja wrew li nofs miżuri m’humiex biżżejjed.
Rappreżentanti tal-MAM, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet u unions oħrajn, iltaqgħu mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u ħeġġew biex ikun hawn lockdown preventiv ta’ mill-inqas tliet ġimgħat.
Dan ifisser li:
- Ir-residenti kollha jkunu taħt kwarantina mandatorja
- Impjegati li jaħdmu f’servizzi essenzjali biss bħal l-Isptarijiet u ċentri tas-saħħa, power stations, servizzi tal-ilma u infrastruttura essenzjali oħra jitħallew jaħdmu. In-nies għandhom iħallu djarhom biss biex jixtru affarijiet essenzjali.
- Il-ħwienet u l-postijiet tad-divertiment kollha, bl-eċċezzjoni ta’ spiżeriji, supermarkets, ħwienet tal-merċa u tal-ikel (mhux pubs u ristoranti) għandhom jinżammu magħluqin.
- Skejjel u Universitajiet jinżammu magħluqa.
- L-Ajruport u l-portijiet magħluqa għall-viżitaturi kollha ħlief għal ripatrijazzjoni ta’ residenti Maltin maqbuda barra mill-pajjiż. Dawn il-persuni għandhom joqogħdu għal kwarantina stretta ta’ mill-inqas ġimgħatejn.
- Ebda persuni residenti Malta ma jitħallew jivjaġġaw barra mill-pajjiż sakemm mhux bil-permess tal-awtoritajiet tas-saħħa.
- It-trasport tal-merkanzija jista’ jkompli jaħdem bla xkiel.
Il-MAM ikkonkludiet li pajjiżi oħrajn irnexxielhom jikkontrollaw din il-marda billi implimentaw miżuri stretti mal-ewwel.
“Jekk ma jittieħdux il-miżuri issa, se jkollna nieħduhom xorta waħda iktar tard iżda bir-riskju li s-servizz tas-saħħa ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-kriżi”, wissiet l-Assoċjazzjoni Medika.
//= $special ?>