Coronavirus Lokali Saħħa

L-Assoċjazzjoni Medika issejjaħ għal ‘lockdown’ immedjat ta’ tliet ġimgħat

Filwaqt li laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar tar-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar kollu, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) tinsisti li għandu jkun implimentat lockdown immedjatament.

Fi stqarrija, MAM qalet li minkejja l-intenzjonijiet tajba warajhom, l-esperjenzi fiċ-Ċina u l-Italja wrew li nofs miżuri m’humiex biżżejjed.

Rappreżentanti tal-MAM, flimkien ma’ assoċjazzjonijiet u unions oħrajn, iltaqgħu mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u ħeġġew biex ikun hawn lockdown preventiv ta’ mill-inqas tliet ġimgħat.

Dan ifisser li:

  • Ir-residenti kollha jkunu taħt kwarantina mandatorja
  • Impjegati li jaħdmu f’servizzi essenzjali biss bħal l-Isptarijiet u ċentri tas-saħħa, power stations, servizzi tal-ilma u infrastruttura essenzjali oħra jitħallew jaħdmu. In-nies għandhom iħallu djarhom biss biex jixtru affarijiet essenzjali.
  • Il-ħwienet u l-postijiet tad-divertiment kollha, bl-eċċezzjoni ta’ spiżeriji, supermarkets, ħwienet tal-merċa u tal-ikel (mhux pubs u ristoranti) għandhom jinżammu magħluqin.
  • Skejjel u Universitajiet jinżammu magħluqa.
  • L-Ajruport u l-portijiet magħluqa għall-viżitaturi kollha ħlief għal ripatrijazzjoni ta’ residenti Maltin maqbuda barra mill-pajjiż. Dawn il-persuni għandhom joqogħdu għal kwarantina stretta ta’ mill-inqas ġimgħatejn.
  • Ebda persuni residenti Malta ma jitħallew jivjaġġaw barra mill-pajjiż sakemm mhux bil-permess tal-awtoritajiet tas-saħħa.
  • It-trasport tal-merkanzija jista’ jkompli jaħdem bla xkiel.

Il-MAM ikkonkludiet li pajjiżi oħrajn irnexxielhom jikkontrollaw din il-marda billi implimentaw miżuri stretti mal-ewwel.

“Jekk ma jittieħdux il-miżuri issa, se jkollna nieħduhom xorta waħda iktar tard iżda bir-riskju li s-servizz tas-saħħa ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-kriżi”, wissiet l-Assoċjazzjoni Medika.