“Kulħadd irid jerfa’ parti mill-piż. Ma nistgħux nagħtu open cheque“.
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela meta dalgħodu f’Kastilja indirizza konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-aħħar żviluppi relatati mas-sitwazzjoni delikata tal-Coronavirus – sitwazzjoni li qed taffetwa direttament in-negozji u lil diversi ħaddiema, b’telf ta’ eluf ta’ ewro kuljum.
Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li ma jmurx għal lockdown nazzjonali. “Dan hu house arrest, u trid tissakkar f’darek. Jekk noħduha, tkun miżura perikoluża”, saħaq il-Prim Ministru.

Dak li tħabbar mill-Gvern illum:
Il-ħlasijiet tal-VAT u l-bolla dovuti min-negozji se jkunu posposti għal aktar tard din is-sena. Dan jgħodd ukoll għas-self employed. Il-Gvern ħabbar li l-kontijiet dovuti għal Marzu u April se jiġu posposti. Għalissa, mhux magħruf meta se jkun mitlub li jsir dan il-ħlas.
Il-Prim Ministru iżda ma qal xejn dwar l-appell tal-Oppożizzjoni biex jorħsu b’50% il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li għad irridu naraw jekk id-dinja hix se tidħol f’riċessjoni. Fl-intervent tiegħu, Scicluna qal li l-Gvern se jkun qed joħloq mini-budget biex jilqa’ għad-daqqa tal-Coronavirus.
Il-Ministru qal ukoll li l-ispiża fil-qasam tas-saħħa żdiedet bi kważi €15-il miljun kaġun tal-Covid-19.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri insista li f’dan ix-xenarju mhemmx għalfejn jitkeċċew il-ħaddiema.
“Is-sitwazzjoni hi taħt kontroll. Nappella għat-trankwillità”, qal Robert Abela.