Coronavirus Internazzjonali

“L-Ewropa bħalissa hija l-epiċentru globali tal-pandemija Covid-19” – WHO

L-Ewropa bħalissa hija l-epiċentru globali tal-pandemija Covid-19. Dan ħabritu l-World Health Organization (WHO), fejn appellat biex il-pajjiżi Ewropej jużaw miżuri konkreti u ħorox biex jegħlbu lil din l-imxija.

Il-WHO kompliet billi qalet li fl-aħħar jiem l-Ewropa kellha wkoll żieda sostanzjali ta’ vittmi u kif ukoll numru mdaqqas ta’ persuni li ġew infettati b’dan il-virus.

Fl-aħħar 24 siegħa rapporti qalu li kien hemm 250 mewta. Spanja huwa l-aktar pajjiż fl-Ewropa affetwat wara l-Italja hekk kif kien hemm qabża ta’ 50% ta’ mwiet. L-infezzjonijiet f’dan il-pajjiż żdiedu għal aktar minn 4,000.

Infatti b’dawn l-aħħar żviluppi l-PM Spanjol Pedro Sanchez ħabbar stat ta’ emerġenza li beda mis-Sibt u se jibqa’ fis-seħħ sa ġimagħtejn oħra.