Lokali

L-imsieħba soċjali jaqblu mal-appell tal-PN dwar il-lockdown

“Naqblu mal-PN li qiegħed jagħmel t-talba diretta li ejja nibdew nimxu għal-lockdown b’mod immedjat” – Marco Bonnici, President tal-MUT

F’kummenti li ta lil Net News il-President tal-MUT qal li issa l-lockdown huwa imminenti u l-kwistjoni hi “l-meta u mhux il-kif.” Huwa qal li issa bħala pajjiż, irridu nħarsu lejn xi jfisser dan il-lockdown, u l-impatt li dan jaf iħalli fuq il-pajjiż.

Marco Bonnici qal li t-talba tal-MUT huwa li l-Gvern biex jaġixxi biex jieħu d-deċizzjonijiet meħtieġa biex dan il-virus ma jibqax jinxtered.

L-MUT tenniet li se tibqa’ tagħmel minn kollox biex tħares l-interess tal-membri tagħha u li temmen bis-sħiħ li l-lockdown mhux se jħares biss l-interessi tas-settur Edukattiv iżda wkoll tal-poplu Malti u Għawdxi b’mod inġenerali.

“Il-lockdown għandu jsir illum qabel għada” – William Portelli, MUBE

Tkellem magħna wkoll il-President tal-MUBE, William Portelli, huwa qalilna li l-MUBE kienet minn tal-ewwel li l-lockdown ma nistgħux ma nagħmluhiex.

“Il-kollegi tagħna tas-CMDU u anki mal-partijiet soċjali kollha, qbilna kollha li l-lockdown irid isir.”

Huwa tenna bosta drabi magħna li aħna bħala nazzjon irridu naħdmu fuq il-prevenzjoni u ma rridux noqogħdu nistennew lil xi ħadd isib il-kura.

“Aħna rridu niffukaw fuq prevenzjoni u mhux li noqgħodu nikkuraw”

Il-virus hemm probbabiltà  kbira li jżid, allura aħna ma rridux noqogħdu nistennew. William Portelli qal li rridu nieħdu ħsieb tagħna nfusna u bil-lockdown dan aħna nistgħu nagħmluh.

“Aktar ma naħsbulu llum u aktar ma jkollna direzzjoni, aktar se nirkupraw malajr”

Il-President tal-Union tal-Bankiera tenna li aktar ma nkunu dixxiplinati u nagħtu direzzjoni aktar għandna ċans nirkupraw minnufih is-saħħa tal-Maltin u anki l-ekonomija Maltija.