Coronavirus Ekonomija Lokali

“Lockdown qabel ikun tard wisq” – Adrian Delia

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, bis-sehem tal-imsieħba soċjali, il-Kap tal-PN Adrian Delia insista li hu meħtieġ aktar minn qatt qabel li jidħol fis-seħħ ‘lockdown’ qabel ikun tard wisq.

Waqt il-laqgha, Adrian Delia spjega li hu se jibqa’ għaddej bil-proċess li diġà nbeda ta’ konsultazzjoni u taħdidiet mal-unions u l-korpi kostitwiti. Dan bil-għan li jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali.

Il-Kap tal-PN qed jinsisti li l-lockdown nazzjonali għandu jiddaħħal b’għaqal u b’mod li jkun maqbul bejn l-imsieħba soċjali. Eventwalment, dan għandu jwassal ukoll għall-għeluq tal-fruntieri.

Adrian Delia insista li pajjiżna, fiċ-ċokon tiegħu għandu ċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu. Malta għandha densità qawwija, u għalhekk huwa meħtieġ li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċċessraji. Il-Kap tal-PN tenna mill-ġdid ir-ringrazzjament lil dawk kollha li qed jaħdmu fis-settur pubbliku, speċjalment il-forzi tal-ordni, kif ukoll il-ħaddiema tas-settur tas-saħħa.

Ix-xena fi Pjazza Tritoni kmieni dalgħodu

Intant, is-sitwazzjoni li żviluppat minħabba l-Coronavirus qed tkompli tħalli effetti diretti fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum – inkluż in-negozju fil-Belt Valletta, bit-toroq tal-kapitali dalgħodu jistembħu vojta, għajr għal ftit turisti.