Coronavirus Lokali Saħħa

Maltija oħra pożittiva għall-Covid-19

Il-każijiet pożittivi ilaħħqu 13 li minnhom waħda fieqet

Tfajla Maltija ta’ 19-il sena rriżultat pożittiva għal Covid-19. Dan huwa każ ieħor ta’ Coronavirus impurtat lejn Malta. B’hekk sa issa f’pajjiżna kellna total ta’ 13-il każ minn mindu rajna l-ewwel persuni jirriżultaw fil-pożittiv eżatt ġimgħa ilu.


Jirriżulta li din it-tfajla vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu. Il-kundizzjoni tat-tfajla hija waħda tajba.

Intant, aktar kmieni llum tħabbar li fieqet l-omm tal-familja li kienet irriżultat pożittiv għal Coronavirus fl-ewwel każ ta’ pajjiżna nhar is-Sibt li għadda.

L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li l-mara rriżultat negattiv darbtejn f’testijiet li saru 24 siegħa ‘l bogħod minn xulxin. Għalhekk, skont il-linji gwida stabbiliti, din il-mara titqies li fieqet mill-Coronavirus. 

Il-mara ħarġet mill-Isptar Mater Dei u qed tinżamm kwarantina fid-dar tagħha għal ftit jiem oħra bħala prekawzjoni sabiex l-awtoritajiet tas-saħħa jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni.

Jibqa’ l-appell biex kulħadd isegwi d-direzzjonijiet li qed jingħataw mill-Gvern u l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, fost oħrajn biex tkun rispettata l-kwarantina mandatorja kif imħabbra, ma jsirux attivitajiet tal-massa u safar bla bżonn, u li l-anzjani kemm jista jkun jibqgħu fi djarhom.