Coronavirus Kummerċ Lokali

“Miżuri foqra għan-negozji u ħlas għal-leave tal-kwarantina minn min iħaddem imdaħħal baxx baxx” – MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA, qalet li l-inċentivi mħabbra mill-Gvern joffru għajnuna limitata lin-negożji li qed ikunu effettwati mill-Covid-19.

L-MEA saħqet li għalkemm ċertu oqsma ġew effettwati aktar minn oħrajn, aktar ma tippersisti din is-sitwazzjoni, aktar se jkunu is-setturi li jintlaqtu ħażin, u qalu li l-miżuri fiskali jeħtieġ li jinfirxu fuq aktar oqsma, inkluż is-self employed, u jeħtieġ li jkunu mgħejjuna b’miżuri oħra.

L-MEA qalet li ħafna kumpanijia qed ikunu proattivi u qed jieħdu miżuri huma fuq il-post tax-xogħol biex jitnaqqas l-impatt tas-sitwazzjoni fuq l-impjegati, permezz tal-implimentazzjoni tal-flexi-time, teleworking u billi jieħdu miżuri għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol biex jonqos il-possibiltà ta’ esponiment għall-virus.

Filwaqt li t-tkeċċija tal-impjegati qed issir biss fejn mhemmx alternattiva oħra, din is-sitwazzjoni tista’ tinbidel f’temp qasir.

Id-deċiżjoni li titfa’ fuq min iħaddem il-ħlas għal-leave tal-kwarantina billi tinbidel legal notice baxx baxx u mingħajr ma qatt ġiet diskussa mal-awtoritatjiet ta’ min iħaddem hija inaċċettabbli u deplorabbli.

L-MEA tappella għal revoka immedjata tal-legal notice u li din il-kwestjoni tittieħed quddiem il-fora relevanti, fosthom l-MCESD u l-Employment Relations Board.

Min iħaddem qed jgħidu li l-impjegati għandhom ikunu kompensati għal-leave tal-kwarantina u se jkomplu jinsistu li dan il-piż jinġarr mill-istat bħal ma jsir għall-imjegati tas-settur pubbliku.