Lokali

Sibt filgħodu kkaretterizzat minn “biża’ u frustrazzjoni”

Minkejja li waħda mill-miżuri ġodda introdotti milll-Awtoritajiet tas-saħħa tul il-jum tal-Ġimgħa kienet dik sabiex ma jarmawx bankarelli fuq il-monti li m’humiex tal-ikel, xorta waħda kien hemm swieq li ramaw b’mod normali.

Meta tkellimna man-nies f’Ħal Qormi… spikkat il-biża’ fost ix-xerrejja. Spikkat ukoll in-nuqqas ta’ folla li hi sinonima mal-monti tas-Sibt filgħodu ġewwa dan il-lokal. Spikkat ukoll il-frustrazzjoni tal-bejjiegħa.

Diversi persuni li tkellmu ma’ NET NEWS stqarrew li huma mbeżża’ bl-aħħar ċirkostanzi li l-Gżejjer Maltin spiċċaw fihom kawża tal-Coronavirus. Uħud saħqu li hemm bżonn li l-Gvern jagħlaq l-ajruporti filwaqt li uħud li huma nanniet qalu li qed jobdu l-pariri mgħotija lilhom mill-awtoritajiet… u mhux jifrekwentaw lin-neputijiet.

Għalkemm hawn ċertu sens ta’ kawtela li tinħass qalb iċ-ċittadini Maltin, persuni li tkellmu ma Net News saħqu li xorta waħda kellhom jinżlu fil-pjazza ta’ Ħal Qormi sabiex jixtru l-affarijiet essenzjali.

Mill-banda l-oħra l-bejjiegħa stqarrew ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet li f’temp ta’ ġimgħa, id-differenza fil-bejgħ tagħhom huwa evidenti …l-aktar minħabba l-panic buying tal-aħħar jiem mis-supermarkets. Huma insistew li din is-sitwazzjoni hija kontradittorja meta l-Gvern qed iħeġġeġ lill-poplu biex ma’ jinġemgħax f’rassa f’post miftuħ u mhux jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex ma jkunx hemm iffullar fis-supermarkets li huma fil-magħluq.

Sforz il-miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet fl-aħħar jiem b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19 inevitabbilment numru ta’ negozjanti spiċċaw iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni tassew diffikultuża.