Lokali

Bi ġrieħi gravi wara li waqa’ 7 sulari

Raġel ta’ 20 sena residenti Birżebbuġia qed isofri minn ġrieħi gravi wara li waqa’ 7 sulari mill-irdum f’Birżebbuġia stess.

Għall-ħabta tas-13.45, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha, fl-akwati ta’ Wied ix-Xoqqa u tal-Mara, f’Birżebbuġia.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel kien tilef il-bilanċ u waqa’ minn għoli ta’ madwar 7 sulari millirdum għal ġol-baħar. Il-vittma’ ngħata l-ewwel għajnuna min xi nies li kienu għaddejjin b’dgħajsa fejn tellawh l-art.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku, sabiex ir-raġel jingħata l-assistenza medika. Huwa ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.