Internazzjonali

Coronavirus: Se jkunu iżolati l-Britanniċi kollha ta’ ’l fuq minn 70 sena ‘fi kwistjoni ta’ ġimgħat’

Kull Britanniku li għandu ’l fuq minn 70 sena, fil-ġimgħat li jmiss se jkun avżat biex jibqa’ d-dar għal perjodu ta’ żmien mhux speċifikat bħala difiża kontra l-coronavirus.

Is-Segretarju tas-Saħħa tar-Renju Unit Matt Hancock qal li d-direttiva uffiċjali mhix se ssir effettiva għalissa, iżda din, ladarba tkun implimentata, għandha ddum fis-seħħ ‘għal ħafna żmien’.

Il-Gvern Britanniku qed jiffaċċja l-pressjoni biex jagħmel aktar fil-konfront tal-epidemija wara li l-imwiet mill-virus, fir-Renju Unit, telgħu għal 21 nhar is-Sibt (l-aħħar statistika provduta ). L-imwiet kollha kienu ta’ persuni ’l fuq minn 60 sena jew li kienu jbatu minn ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa.

Intant, in-nies ta’ aktar minn 70 sena u persuni iżgħar b’kundizzjonijiet tas-saħħa partikulari jridu jibqgħu d-dar fejn jirċievu l-affarijiet bażiċi għall-ħajja u l-mediċina. Skont Hancock, in-nies mingħajr is-sintomi jkunu jistgħu jżuru lill-qraba u l-ħbieb akbar minnhom dment li joqogħdu żewġ metri bogħod mill-persuni inkwistjoni.

Fl-istess ħin, is-Servizzi tas-Saħħa Nazzjonali (NHS) fir-Renju Unit m’għandhomx biżżejjed magni ‘ventilator’ biex jittrattaw lill-ammonti tan-nies li jistgħu jimirdu kritikament mill-coronavirus – bil-Gvern qed iħeġġeġ lill-manifatturi biex jindirizzaw in-nuqqas ‘daqslikieku qegħdin jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ gwerra’.

Dan meta l-manifatturi tal-karozzi u l-armi, flimkien mas-suppliers tal-Armata, se jkunu mitluba jibdlu s-sistemi tal-produzzjoni biex jipproduċu l-ventilators.

Sadanittant, il-lukandi fir-Renju Unit jistgħu jkunu rekwiżizzjonati biex jiżdied l-ispazju għas-sodod għall-pazjenti – bit-tobba u l-infermieri irtirati qed ikunu mitluba biex jirrappurtaw lura għax-xogħol.