Coronavirus Formula 1 Sport

Ferrari jagħlqu l-fabbriki tagħhom sas-27 ta’ Marzu

Ferrari ssospendew il-produzzjoni fil-fabbriki tagħhom minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-kumpanija Taljana ħabbret li se tagħlaq immedjatament sas-27 ta’ Marzu, bil-fabbrika tal-Formula 1 hi bbażata f’Maranello.

“Id-deċiżjoni ttieħdet mill-kumpanija għas-saħħa tal-impjegati u se ssegwi miżuri ta’ prevenzjoni li diġà ġew implimentati mill-kumpanija biex tiggarantixxi l-ogħla livell ta’ saħħa, fid-dawl tad-digriet tal-Gvern Taljan dwar il-COVID-19 li ħareġ fil-11 ta’ Marzu,” qalet stqarrija tal-kumpanija.

Ferrari żiedu li l-attività mhux marbuta mal-manifattura se tkompli fuq bażi regolari. Sa issa għadu mhux magħruf meta se jibda l-istaġun tal-Formula 1. Il-kampjonat kien mistenni li jibda lbieraħ bil-Grand Prix tal-Awstralja. It-tlielaq tal-Bahrain u l-Vjetnam ġew posposti wkoll filwaqt li l-Grand Prix taċ-Ċina li kienet skedata għal nofs April, ġiet posposta x-xahar li għadda.

B’hekk sa issa jidher li l-Grand Prix tal-Olanda fit-3 ta’ Mejju u l-Grand Prix ta’ Spanja ġimgħa wara huma l-ewwel żewġ tlielaq skedati, iżda l-organizzaturi qalu li jinsabu f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-Formula 1 dwar is-sitwazzjoni.