Coronavirus Futbol Sport

Garay l-ewwel plejer f’La Liga bil-coronavirus

(Ritratt: EPA)

Id-difensur ta’ Valencia Ezequiel Garay sar l-ewwel plejer ta’ La Liga pożittiv bil-coronavirus, konferma oħra li dan il-virus ħakem mhux ftit lill-isport. L-Arġentin ta’ 33 sena diġà se jitlef il-kumplament tal-istaġun wara li weġġa’ l-irkoppa fi Frar li għadda.

“Hu ċar li bdejt l-2020 ħażin. Jien instabt pożittiv għall-coronavirus, inħossni tajjeb ħafna u issa rrid nisma’ mill-awtoritajiet tas-saħħa u għalissa nibqa’ iżolat,” qal Garay fl-ewwel kummenti tiegħu fuq Instagram.

Il-futbol fi Spanja ġie pospost għal tal-anqas ġimagħtejn f’tentattiv biex jiġi evitat li jinfirex aktar il-virus. Spanja hi t-tieni pajjiż l-aktar affettwat mill-Covid-19 fl-Ewropa wara l-Italja. Sa issa mietu kważi 200 persuna filwaqt li kien hemm madwar 7,000 każ.