Internazzjonali

Għexieren ta’ arrestati waqt protesta fir-Russja

Il-Pulizija tar-Russja, fi tmiem il-ġimgħa, wettqet għexieren ta’ arresti waqt protesta, f’Moska, kontra r-ripressjoni tan-nies għal raġunijiet politiċi f’dan il-pajjiż. Ħafna mill-arresti saru qrib il-kwartieri-ġenerali tas-servizzi tas-sigurtà Russi, bil-pulizija jżommu wkoll numru ta’ nisa flimkien ma’ attivist magħruf favur id-drittijiet umani.

Numru ta’ sorsi, inklużi politiċi tax-xellug, qalu li l-awtoritajiet Russi qed jinsistu bi strateġiji ta’ ripressjoni ‘bil-għan li jmexxu għal dejjem’. Is-sorsi qalu wkoll li fil-pajjiż, għaddejjin l-isforzi intensivi għall-bidliet drastiċi fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż u biex, fuq kollox, jinbidlu t-termini ta’ kemm President tar-Russja jista’ idum imexxi pajjiżu.

Is-sorsi f’Moska komplew li s-solidarjetà fost ir-Russi, illum, saret aktar importanti minn qatt qabel, fost il-prospetti li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ikompli fil-poter sal-2036.

Dan wara li d-deputati fil-Parlament (Duma) ta’ Moska, jiem ilu, ivvutaw biex jagħtu approvazzjoni finali lil pakkett ta’ emendi kostituzzjonali introdotti minn Putin u li jinkludu emenda għal ‘ristrutturizzazzjoni’ tat-termini għall-Presidenza.