Internazzjonali

Il-gwerra fis-Sirja għalqet għaxar snin

Il-konflitt brutali tas-Sirja għalaq għaxar snin, bir-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, qed jikkonsolida l-kontroll fuq pajjiż mifni bil-gwerra u b’ekonomija mkissra.

Meta s-Sirjani kienu ħarġu jipprotestaw fit-toroq kontra r-reġim fil-15 ta’ Marzu tal-2011, fl-ebda ħin ma setgħu jimmaġinaw li l-azzjonijiet tagħhom kellhom iwasslu għal gwerra mill-aktar ikkumplikata f’pajjiżhom…Gwerra li tul is-snin involviet lir-ribelli, il-qawwiet tal-Gvern, gruppi ta’ ġiħadisti u anki qawwiet barranin.

Fil-gwerra tas-Sirja mietu talanqas 384,000 persuna fosthom aktar minn 116,000 ċivili. Dan meta l-konflitt Sirjan irriżulta wkoll f’aktar minn 11-il miljun refuġjati interni u barra s-Sirja.

Illum ir-reġjun ta’ Idlib – l-aħħar fortizza tar-ribelli – spiċċa mira kontinwa tal-Armata ta’ Assad, bid-dittatur Sirjan, grazzi għall-appoġġ militari tar-Russja, l-Iran u l-militanti Lebaniżi tal-Hezbollah, jieħu lura l-kontroll ta’ aktar minn 70 fil-mija tat-territorju Sirjan.