Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Kamra tal-Ispiżjara titlob għal lockdown immedjatament

Għandu jiġi pprojbit l-ivvjaġġar kollu immedjatament

Tkompli tikber il-pressjoni fuq il-Prim Ministru Robert Abela sabiex pajjiżna jitpoġġa taħt lockdown immedjatament.

Il-Kamra tal-Ispiżjara ta’ Malta tappella lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sabiex jordnaw lockdown filwaqt li jiġi pprojbit l-ivvjaġġar kollu immedjatament u jimplimentaw dan mingħajr ebda dewmien. Dan bħala tentattiv biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm ħafna każi f’daqqa.

Il-Kamra tal-Ispiżjara tingħaqad mal-appelli li diġà saru mill-MAM, l-MUBE, l-UHM Voice of the Workers, għaqdiet oħra, konfederazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tal-ispeċjalisti mediċi.

Il-Kamra tappoġġja għal kollox din id-deċiżjoni sabiex ikun salvagwardjat aktar il-poplu Malti, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, l-ispiżjara, il-professjonisti tas-saħħa u ħaddiema oħra fil-prattika pubblika u privata.