Coronavirus Sport Sport Ieħor

It-torċa Olimpika se tgħaddi minn id għal oħra fi stadium vojt

Il-Kumitat Olimpiku Grieg qal li l-mixja tat-Torċa Olimpika f’Ateni se tkompli l-ġimgħa d-dieħla fi stadium vojt minħabba t-tħassib tal-coronavirus. Il-Ġimgħa, il-Greċja kkanċellat il-kumplament tal-ġirjiet bit-torċa miċ-ċentru tal-pajjiż biex jevitaw folol kbar, ġurnata wara li nxtegħlet il-fjamma f’Olympia l-antika.

L-istadium li jinsab f’pożizzjoni ċentrali f’Ateni, kien il-post tal-Olimpjadi fl-1896 u normalment jattira eluf ta’ spettaturi. Waqt iċ-ċerimonja li ssir kull sentejn, tgħaddi t-torċa lill-Belt li se tkun se torganizza l-Olimpjadi fis-sajf jew fix-xitwa. F’anqas minn ġimagħtejn oħra, it-torċa Olimpika tasal fil-Ġappun fil-belt ta’ Fukushima.

Il-Kumitat Olimpiku Grieg qal li kien qed isegwi ordnijiet mill-istat biex jippreventi l-pandemija tal-coronavirus, tant li mhu se tinħareġ l-ebda akkreditazzjoni biex tkun ipproteġuta s-saħħa pubbliku. Il-Greċja kellha wkoll ftit każijiet ta’ mewt mill-ftit aktar minn 200 persuna li nstabu pożittivi.

Il-Prim Ministru Shinzo Abe qal is-Sibt li l-Ġappun għadha xorta qed tipprepara li torganizza l-Olimpjadi, minkejja t-tħassib globali dwar il-coronavirus. L-Olimpjadi għandhom isiru f’Tokyo mill-24 ta’ Lulju sad-9 ta’ Awwissu anki jekk diversi avvenimenti sportivi oħra ġew posposti. L-ispekulazzjoni kompliet tikber minn meta l-President Amerikan Donald Trump qal li l-organizzaturi għandhom jikkunsidraw posponiment ta’ sena.