Coronavirus Edukazzjoni Kummerċ Lokali Saħħa Turiżmu

“It-toroq kienu nieqsa mill-karozzi u għera minn nies”

Moviment kajman u kwiet fix-Xatt tal-Gżira u tas-Sliema

Minkejja li l-ġurnata tal-Ħadd kienet ikkaratterizzata minn temp sabiħ, ix-xeni tul l-ixtajtiet tal-Gżira u tas-Sliema kienu għal kollox kontra għat-temp sinonimu f’dan iż-żmien tas-sena, fuq l-għatba tar-Rebbiegħa.

It-toroq kienu nieqsa mill-karozzi u għera minn nies. Dawn kienu x-xeni li sab NET News meta żorna Għar id-Dud u x-Xatt ta’ Tas-Sliema flimkien max-Xatt tal-Gżira minħabba l-Coronavirus.

Dan hekk kif il-miżura tal-Gvern, li testendi l-kwarantina obbligatorja għal kull min jiġi minn barra l-pajjiż, minn kwalunkwe pajjiż madwar id-dinja, kellha l-effetti kbar tagħha fuq il-qasam turistiku f’pajjiżna.

Fost il-ftit nies li sibna f’dawn l-inħawi, sibna sajjied jistad mal-pitch ta’ Ghar id-Dud kif ukoll numru ta’ anzjani jippassiġġaw u bil-qiegħda fuq bank.

Spikkaw ukoll bosta nies, l-aktar żgħażagħ, li għażlu li jagħmlu l-eżerċizzju mal-promenad u oħrajn jixxemxu jew lagħbu fuq ix-Chalet.

Innutajna ukoll numru ta’ familji, koppji u barranin li ffrekwentaw gabbani, kafetteriji u ristoranti, bistabbilimenti oħrajn jagħżlu li jagħlqu l-bibien.

Fost dawn in-nies, sibna lil koppja Olandiza, li f’dawn l-aħħar snin żaru lil pajjiżna darbtejn fis-sena, u staqsejniehom kif is-sitwazzjoni tal-Coronavirus affettwat il-vaganza tagħhom f’pajjiżna. Huma qalulna li waslu Malta l-Erbgħa u għalhekk ma kellhomx bżonn jagħmlu l-kwarantina mandatorja, minkejja li f’pajjiżhom feġġ il-virus.

Bħala koppja qablu li jgawdu din il-vaganza b’mod remot, partikolarment lit-temp bnazzi u lill-poplu dħuli ta’ Malta. Mistoqsija dwar x’prekawzjonijiet qed jieħdu meta jagħmlu kuntatt man-nies, qalulna li qed jevitaw jieħdu b’idejn ħaddieħor u qed jaħslu aktar idejhom mis-soltu.

Anki l-istudenti li ġew f’pajjiżna bħala parti mill-iskambju tal-Erasmus ġew affettwati u spiċċaw maqbuda hawn, kif spjegaw żewġ studenti ġejjin mill-Punent ta’ Franza. Dan hekk kif l-Università ta’ Malta għalqet il-bibien tagħha għal żmien indefinit filwaqt li t-titjiriet minn u lejn Franza twaqqfu, biex huma bblukkati f’pajjiżna.

Fl-istess waqt l-Università tagħhom fi Franza jippreferu li dawn jibqgħu f’pajjiżna sabiex f’Ġunju jpoġġu għall-eżamijiet. Dwar kif qed iqattgħu ż-żmien tagħhom ‘il-bogħod mill-bankijiet tal-Università, huma qalu li qed jibqgħu fl-appartament tagħhom sabiex jevitaw it-tixrid tal-virus filwaqt li qed jimxu biex jagħmlu x-xirjiet essenzjali ta’ kuljum.

Max-Xatt ta’ tas-Sliema u l-Gżira bosta parkeġġi kienu battala mill-karozzi meta normalment, wieħed qajla jsib fejn jipparkkja. Anki l-laneċ privati għat-turisti li jduru l-gżejjer tagħna ma kinux qed joperaw, għajr għal dik minn u lejn il-Belt Valletta.