Internazzjonali

Konfużjoni u xeni apokalitiċi fl-ajruporti tal-Istati Uniti

L-ajruporti fl-Istati Uniti spiċċaw f’kaos waqt il-miżuri ġodda għall-iscreening tas-saħħa għall-persuni li qegħdin jirritornaw fil-pajjiż mill-Ewropa.

Waqt li ffurmaw is-sriebet twal fl-ajruporti – inklużi dawk ta’ O’Hare, f’Chicago u ta’ DFW, f’Dallas (Texas) – in-nies kellhom jistennew is-sigħat għal screenings tas-saħħa qabel setgħu jgħaddu minn sezzjoni għall-oħra, bix-xeni fit-terminals ikunu mfissra bħala ‘apokalitiċi’.

L-Istati Uniti, fis-sigħat li ġejjin, se tipprojbixxi d-dħul ta’  persuni li qed jivvjaġġaw mir-Renju Unit u l-Irlanda.

Għaldaqstant, il-Foreign Office tar-Renju Unit qed jagħti l-pariri biex l-ebda Britanniku ma jivvjaġġa lejn l-Istati Uniti jekk mhux għal raġunijiet essenzjali.

Fl-istess ħin, il-Gvern Amerikan impona projbizzjoni għall-persuni li mhumiex Amerikani u li jistgħu jivvjaġġaw mill-Istati Ewropej involuti fiz-zona Schengen għall-moviment ħieles.

Fl-Istati Uniti mietu 54 persuna mill-coronavirus, bil-pajjiż jirreġistra ‘il fuq minn 2,700 każ.

Is-sens tal-inkwiet u konfużjoni fl-Istati Uniti qiegħed jikber minn siegħa għall-oħra.

Dan waqt li l-American Airlines qalet li qed tippjana biex taqta’ 75 fil-mija tat-titjiriet internazzjonali sas-6 ta’ Mejju.

Il-passiġġieri Amerikani li rritornaw fl-ajruporti fl-aħħar sigħat, intant, kienu qed iwieġbu għall-mistoqsijiet dwar l-istorja medika tagħhom, bil-proċess tas-screening għas-sintomi tal-coronavirus ikompli għaddej.