Lokali

L-ekonomija tal-pajjiż se tispiċċa tikkollassa

Miżuri ta’ appoġġ li ġew imħabbra mhux se jkollhom l-ebda impatt u ma huma l-ebda mod viċin ta’ dak li għandhom bżonn in-negozji biex isostnu l-impjiegi.

In-negozji jitolbu miżuri drastiċi u appoġġ reali u immedjat biex jiġu evitati tkeċċija ta’ eluf ta’ ħaddiema.

Studju tal-Kamra tal-SMEs li sar immedjatament wara li ġew imħabbra l-miżuri ta’ appoġġ juri biċ-ċar li l-miżuri mhux se jkollhom impatt reali fuq in-negozji. Il-gvern jidher li mhux qed jifhem is-sitwazzjoni kerha li hemm fuq in-negozji Maltin.

In-negozji għandhom bżonn miżuri reali issa u llum għaliex ma jkunux jistgħu jżommu aktar il-ħaddiema tagħhom.

Il-Membri kienu rrabjati meta saru jafu li mhux biss il-miżuri li ilhom jistennew m’humiex hemm iżda wkoll li l-piż tal-leave tal-kwarantina tpoġġa b’mod sigriet fuq in-negozji. Dan seħħ permezz ta’ Avviż Legali emendat li ġie ppubblikat matul il-lejl ta’ wara l-laqgħa bejn il-korpi ta’ min iħaddem mal-Prim Ministru u qabel it-tħabbira tal-miżuri li saret l-għada.

Ma ssemma xejn dwar dan fl-ebda punt, lanqas saret l-ebda konsultazzjoni. Il-Kamra tal-SMEs tirrimarka li dan ifisser li l-Gvern irid li min iħaddem iħallas l-ispiża għal kollox u biex il-jiem jiġu miżjuda ‘l fuq minn dak il-leave attwali li huma intitolati għalih il-ħaddiema.