Internazzjonali

L-EWROPA: L-Awstrija tipprojbixxi l-gruppi ta’ aktar minn ħamsa… bl-elezzjonijiet isiru xorta fi Franza

Mandatory Credit: Photo by CHRISTIAN BRUNA/EPA-EFE/Shutterstock (10579744a) A man wearing a protective mask poses for photographs, with the closed Museum of Art History (KHM Kunsthistorisches Museum) in the background, in Vienna, Austria, 11 March 2020. In an attempt to stop the spreading of the novel coronavirus related Covid-19 disease, Austrian Chancellor announced on 10 March to close all state museums, the Vienna State Opera and other federal buildings. All public indoor gatherings with over 100 people and outdoor gatherings with 500 people have been banned and the population has been advised to reduce their social contacts. Daily life under the Coronavirus outbreak in Austria, Vienna - 11 Mar 2020

L-Awstrija, mil-lum, qed tipprojbixxi l-laqgħat għal gruppi ta’ aktar minn ħames persuni waqt li qed jiżdiedu l-isforzi għal kontra l-coronavirus (Covid-19) fl-Ewropa.

Il-Kanċillier Awstrijak, Sebastian Kurz, ħeġġeġ biex in-nies jiżolaw lilhom infushom, bl-iskejjel u l-parti kbira tal-ħwienet fl-Awstrija mhumiex se jiftħu mil-lum.

Ir-Rumanija, li għandha 123 każ tal-marda, mistennija tiddikjara stat ta’ emerġenza. Dan waqt li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Andrej Babis, kien qed jaħseb biex jipproponi lill-Gvern fi Praga biex il-pajjiż sħiħ jitqiegħed taħt kwarantina. Ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja diġà għalqu l-fruntieri meta l-Ewropa saret ‘l-epiċentru ġdid’ tal-pandemija.

L-aħħar miżuri qed isegwu l-istrateġiji drastiċi, fi tmiem il-ġimgħa, min-naħa ta’ Franza u Spanja – madankollu, illum saru xorta l-elezzjonijiet lokali fi Franza minkejja l-għeluq tal-kafeteriji, ir-ristoranti u l-parti kbira tal-ħwienet fil-pajjiż partikulari.

L-istat tal-emerġenza fi Spanja (b’kaġun tal-coronavirus) mistenni jdum tal-anqas ġimagħtejn – bil-Parlament jista’ japprova estensjoni taż-żmien f’każ li jkun neċessarju. Spanja, b’161 mewta, hi l-agħar pajjiż Ewropew milqut mill-Covid-19 wara l-Italja.

Il-Prim Ministru ta’ Franza, Edouard Philippe, talab lin-nies biex inaqqsu l-vjaġġi, speċjalment bejn l-ibliet. Dan meta Franza, fi tmiem il-ġimgħa, irrappurtat żieda qawwija fl-infezzjonijiet għal akar minn 4,400.