Coronavirus Futbol Sport

L-Italja se titlob biex jiġi pospost il-Kampjonat Ewropew tal-futbol

(Ritratt: EPA)

Il-President tal-Federazzjoni Taljana Gabriele Gravina se jkun minn ta’ quddiem biex il-Kampjonat Ewropew skedat għal Ġunju li ġej, jiġi pospost biex ikun jista’ jitlestew il-kampjonati domestiċi fosthom is-Serie A.

F’kummenti waqt SportMediaset, Gravina qal li jkun aktar ġust u jkunu korrett li jitlestew il-kampjonati wara l-investiment u s-sagrifiċċji li jkunu għamlu l-klabbs. Kawża tal-coronavirus, il-maġġoranza assoluta tal-kampjonati waqfu, bil-logħob tat-timijiet nazzjonali jiġu posposti jew sospiżi.

Rappreżentanti ta’ klabbs Ewropej, il-kampjonati u l-plejers se jingħaqdu mal-federazzjonijiet nazzjonali f’video-conference ta’ emerġenza t-Tlieta li hi organizzata mill-UEFA. Gravina jittama li Serie A jkun jista’ jispiċċa sat-30 ta’ Ġunju minkejja li ma eskludiex li jkun estiż għal xahar ieħor. Hu anki ta s-suġġeriment li l-klabbs Taljani ma jitħarrġux għalissa. “Jekk il-kampjonat se jkompli fil-bidu ta’ Mejju, insaqsi dwar it-taħriġ li jsir bħalissa. Ejja nħallu l-plejers id-dar, jirkupraw l-enerġija fiżika u mentali,” kompla  Gravina.