Coronavirus Lokali Saħħa

“Magħqudin kontra marda qerrieda li nistgħu ngħelbuha flimkien” – Adrian Delia

“F’din is-sitwazzjoni għandna nkunu magħqudin kontra din il-marda qerrieda li nistgħu ngħelbuha flimkien. Wara dan kollu rridu nerġgħu nsibu l-għaqda ta’ pajjiż kburi.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt messaġġ lin-nazzjon li għamel il-Ħadd filgħodu.

Adrian Delia saħaq li kulħadd huwa infurmat dwar x’qed jiġri madwar id-dinja.. dinja li tinsab fi gwerra moderna kontra għadu li ma jidhirx, għalhekk huwa iktar diffiċli biex nifhmuh u ngħelbuh. Huwa importanti li nifhmu li meta qegħin fi gwerra se jkun hemm min ibati u sfortunatament jispiċċa jitlef ħajtu.

F’dan l-istadju l-iktar ħaġa importanti hija l-informazzjoni fejn il-poplu Malti u Għawdxi jkun mgħarraf dwar il-konsegwenzi mingħajr ma tallarma lin-nies. Dan sabiex din il-gwerra tinrebaħ fl-iqsar żmien possibbli. Adrian Delia saħaq li hemm bżonn li r-riżorsi ta’ pajjiżna jintużaw bl-aħjar mod possibbli.

Huwa qal li f’din is-sitwazzjoni tant delikata għal pajjiżna l-Gvern għażel li ma jitkellimx dwar din il-materja ta’ interess nazzjonali fil-Parlament. Fejn sal-lum huwa l-uniku parlament li ma ddiskutiex dan il-virus.. ma ddiskutiex it tixrid u l-konsegwenzi u kif ir-riżorsi għandhom jintużaw bl–aħjar mod bl-inqas dannu possibbli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li rringrazzja lit-tobba kollha saħaq li għandna nassiguraw li t-tobba jingħataw l-aqwa protezzjoni.

Adrian Delia sostna li min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista qed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, fejn qed jiinaqqas l-istaff li jaħdem fid-Dar Ċenrtali kif ukoll qed tinżamm id-distanzi bejn persuna u oħra. Dan filwaqt li l-media tal-PN se tibqa’ tagħmel kampanji edukattivi sabiex il-pubbliku jibqa’ jkun infurmat b’dak kollu li jkun qed iseħħ.

Huwa semma diversi nies li għandhom jiġu mħarsa fosthom l-ispiżjara, il-ħaddiema tax-xatt kif ukoll dawk il-ħaddiema li joffru t-trasport pubbliku fejn l-Oppożizzjoni Nazzjonalista enfasizzat il-punt li ma jkunx hemm passiġġiera bilwieqfa fuq tal-Linja u li dawn għandhom jitnaddfu iktar spiss.

Adrian Delia appella lill-gvern sabiex issir kampanja edukattiva iktar b’saħħitha dwar il-fatt li t-tfal għandhom jevitaw li jmorru f’postijiet fejn jinġabru ħafna tfal fl-istess ħin. Dan filwaqt li għandha tingħata iktar informazzjoni lill-anzjani.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li għamel ilbieraħ il-Gvern, il-Ministru Edward Scicluna missu qal fejn huma l-400 sodda li kienu l-Isptar San Luqa li suppost huma lesti sal-lum, l-istess bħalma suppost hemm is-sodod lesti ġewwa Għawdex. Kieku għandna ‘l fuq minn 800 sodda li qegħdin lesti għad-dispożizzjoni sabiex insalvaw il-ħajjiet tal-Maltin.

Adrian Delia kompla jagħmel pressjoni fuq il-Gvern sabiex jingħaqlu l-fruntieri u ssir lockdown. Dan kollu se jkollu l-konsegwenzi tiegħu, imma ma jistax ikun li l-Prim Ministru Robert Abela jbeżża’ lin-nies. Dan għaliex jekk dan il virus se jibqa’ jinxtered, il-konsegwenza se tkun iktar gravi minn dik tal-lockdown.

Il-Kap tal-PN reġa’ appella lill-Gvern biex f’din is-sitwazzjoni tant delikata jikkonsulta u jaħdem id f’id mal-Oppożizzjoni.

F’Għawdex hemm bżonn li jkunu mnaqqsa l-vjaġġi li jsiru lejn din il-gżira. Wara kull vjaġġ għandu jsir it-tindif filwaqt li jitnaqqas l-użu żejjed tal karozzi bil-prijorita tingħata lill-Għawdxin u vjaġġi għall-merkanzija.