Lokali

Raġel jitlef ħajtu wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina f’argument

Raġel ta’ 37 sena minn Niġerja tilef ħajtu wara li ndarab kawża ta’ daqqiet ta’ arma taqta’ u bil-ponta.

Għall-ħabta ta’ nofsillejl il-Pulizija kienu infurmati mid-Dipartiment tas-saħħa li fi Triq il-Ġifen, il-Qawra, seħħ argument u x’aktarx kien hemm persuna li sofriet xi ġrieħi.

Immedjatament fuq il-post marru Pulizija mid-Dipartiment tal-investigazzjoni Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett. Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li kien għadu kemm seħħ argument bejn xi persuni barranin ġo stabbiliment fl-istess triq.

Fuq il-post minnufih marret ambulanza u tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, bir-raġel jingħata l-ewwel assistenza medika fuq il-post. Huwa ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, bil-kundizzjoni tiegħu mill-ewwel ġiet iċċertifikata li hija waħda serja.

Aktar tard għal ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu, sfortunatament ir-raġel tilef ħajtu.

Intant, wara informazzjoni mingħand il-pubbliku, il-Pulizija tad-Dipartiment talInvestigazzjonijiet Kriminali, assistiti mill-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan, arrestaw persuna ta’ nazzjonalità Niġerjana li huwa suspettat li allegatament wettaq id-delitt li seħħ il-lejl illi għadda fil-Qawra.

Dwar dan il-każ Il-Pulizija qed tkellem persuna sabiex jgħinha fl-istħarriġ. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo li ordnat inkjesta Maġisterjali u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.