Sport

Sandro Micallef maħtur Chairman tal-GSSE Media Working Group

Il-Media Working Group tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li twaqqaf f’Jannar 2019 f’Lausanne waqt l-Assemblea Ġenerali tal-AIPS, iltaqa’ għat-tieni darba waqt il-Kungress tal-AIPS li sar f’Budapest, fl-Ungerija, aktar kmieni din is-sena. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-grupp huwa li jiffaċilità u jipprovdi kundizzjonijiet moderni u adekwati għall-ġurnalisti waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej li jsiru kull sentejn. Dan l-avveniment sportiv jsir fuq bażi reġolari bis-sehem ta’ disa’ pajjiżi Ewropej b’popolazzjoni ta’ inqas minn miljun.

Waqt din il-laqgħa f’Budapest, il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micallef ġie maħtur bħala Chairman ta’ dan il-grupp li miegħu hemm Erodotos Miltiadous ta’ Ċipru u Elia Gorini ta’ San Marino biex jassistu fil-koordinament ġenerali. L-aħħar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar saret is-sena li għaddiet fil-Montenegro. Din kienet l-ewwel darba li pajjiż mill-Balkani ospita dan il-logħob wara li ngħaqdu mal-pajjiżi parteċipanti fl-2009 u wara li ħadu sehem l-ewwel darba fl-2011.

It-tmien pajjiżi l-oħra parteċipanti huma l-Andorra, Ċipru, l-Iżlanda, Liechtenstein, il-Lussemburgu, Malta, Monaco u San Marino, li kollha ħadu sehem fl-edizzjonijiet kollha sa mill-1985. L-edizzjoni tal-2021 se ssir fl-Andorra, b’dan il-pajjiż se jkun qed jospita dawn il-Logħob għat-tielet darba. Delegazzjoni minn ħames assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-ġurnalisti sportivi minn Ċipru, il-Lussemburgu, Malta, il-Montenegro u San Marino ltaqgħu f’Budapest. L-Iżlandiżi ma attendewx għall-Kungress tal-AIPS, filwaqt li l-Andorra, Liechtenstein u Monaco ma għandhomx assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-ġurnalisti sportivi li huma attivi. Preżenti għal dan il-GSSE Media Working Group kien hemm Charles Camenzuli, President tal-AIPS Europe.

Għal dawn il-ġurnalisti mill-pajjiżi ż-żgħar, il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar huma ferm importanti, għaliex numru kbir ta’ ġurnalisti akkredidati huma nvoluti. Il-membri fi ħdan dan il-Working Group qalu li l-Montenegro għamlu biċċa xogħol eċċelenti s-sena li għaddiet u ħarġu diversi punti ta’ titjib, iżda hemm bżonn titjib fosthom  faċilitajiet ta’ internet aħjar u faċilitajiet tal-media aktar organizzati u aktar organizazzjoni fil-Main Press Center.

Il-membri tal-GSSE Media Working Group iddiskutew il-proposti fir-rigward ta’ Andorra 2021, li se jiġu kkomunikati lill-Kumitati Olimpiċi Nazzjonali rispettivi u lill-kumitat organizattiv. Fost dawn il-proposti hemm aċċess aħjar tal-internet access fejn jaħdmu l-ġurnalisti, aċċess għall-akkomodazzjoni bi prezz raġonevoli, koordinazzjoni ta’ kiri ta’ karrozzi irħas u faċilitajiet moderni min fejn fihom jaħdmu l-ġurnalisti.

Fl-aħħar tal-laqgħa f’Budapest, Sandro Micallef esprima l-apprezzament tiegħu tal-fiduċja li ngħatatlu mill-pajjiżi l-oħra, sabiex imexxi dan il-grupp. “Din il-ħatra sena biss qabel l-edizzjoni li jmiss f’Andorra se tkun opportunità ideali biex naħdem sabiex ngħin il-kollegi tagħna fil-media sportiva ta’ Andorra sabiex jistabilixxu l-ewwelnett l-Assoċjazzjoni tagħhom u b’hekk ikunu magħna fil-Kungressi tal-AIPS.” Il-GSSE Media Working Group qed jippjana li jżur il-faċilitajiet sportivi f’Andorra fejn se jsiru l-kompetizzjonijet u sabiex isiru l-laqgħat uffiċjali mal-kumitat organizattiv ta’ Andorra GSSE 2021.