Lokali

Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga

Żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Bormla qed jinżamm arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ droga. Huwa kien arrestat wara li pprova jaħrab mill-Pulizija.

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar waqt ronda li l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit kienu qed jagħmlu fi Triq Alessandra, f’Bormla, il-Pulizija innutaw persuna taġixxi b’mod suspettuż. Malli avviċinawh, dan ħarab lejn Triq San Mark, bil-Pulizija kostretti jinżlu mill-vettura minħabba li t-toroq mhumiex aċċessibbli għall-vetturi u bdew jiġru warajh.

Il-Pulizija tal-RIU u assistiti minn Pulizija tad-Distrett, segwew lis-suspettat sakemm dan waqaf quddiem residenza fi Triq Santa Liena u beda jħabbat fuq il-bieb. Iżda huwa ġie arrestat qabel xi ħadd fetaħlu.

Saret tfittxija fuq iż-żagħżugħ fejn f’baskett li kien qed iġorr instabu diversi pakketti b’sustanza illegali, allegatament droga, kif ukoll mus u ponn tal-ħadid. Iż-żagħżugħ ittieħed l-Għassa ta’ Bormla u wara ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-iktar stħarriġ.

Il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo qed tmexxi Inkjesta Maġisterjali.

Intant, minħabba suspett li ż-żagħżugħ ta’ 18-il sena seta’ kien jaf min joqgħod fir-residenza li ħabbat fuqha fi Triq Santa Liena, saret tfittxija mill-Pulizija fil-post fejn instabu tliet pakketti żgħar b’sustanza llegali, allegatament droga. Żewġ persuni li kienu fir-residenza, ġuvni ta’ 20 sena mill-Isla u mara ta’ 27 sena minn Bormla qed jiġu mitkellma mill-Pulizija u qed jgħinu fl-istħarriġ.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla.