Coronavirus Futbol Sport

Aħna kuljum bil-kuntatt fit-taħriġ u l-logħob, l-ewwel is-sigurtà u r-rispett – Paul Fenech, plejer tat-tim nazzjonali tal-futbol

(Ritratt: Martin Agius)

Il-Ħamis filgħaxija ħarġet l-aħbar uffiċjali li l-futbol f’pajjiżna jieqaf kawża tal-coronavirus. Il-midfielder internazzjonali Paul Fenech qabel ma’ din id-deċiżjoni, bir-raġuni prinċipali hi għaliex “aħna l-plejers kuljum bil-kuntatt fit-taħriġ u l-logħob. L-ewwel is-sigurtà u r-rispett.”

“Bħala plejer inħossni naqra mitluf li r-rutina nbidlet ta’ taħt fuq.” Il-midfielder ta’ Balzan żied li l-kowċis qed jgħinu lill-plejers billi jibagħtu programmi ta’ taħriġ iżda żied li “nippreferi niġri wara l-ballun milli niġri wara l-ħin tal-arloġġ,” sentiment ċar li t-taħriġ biss mhux biżżejjed iżda jgħodd ukoll is-sens li plejer tal-futbol ikun f’ tim. Il-plejer ta’ 33 sena aċċenna għas-sagrifiċċju li dawk involuti fl-isport qed ikollhom jagħmlu u qal li bħalissa qed isir li hemm bżonn. “Il-professjonaliżmu bħalissa qed jitlob li jsir hekk u hekk għandu jkun.”

Meta atleta li jkun jifforma parti minn tim, ikollu jinqata’ minn dak li normalment ikun imdorri fih, tkompli tagħmilha diffiċli għalihom f’dan il-mument. L-aktar fattur importanti għal Paul Fenech f’dan il-mument hu l-ikel limitat iżda li jkun san. “La sa issa nistgħu noħorġu minn djarna mmorru ġirja, il-bqija eżerċizzju ieħor tista’ tagħmlu d-dar, eżerċizzju bażiku bħal planks, push-ups u sit-ups.”

Paul Fenech lagħab 61 logħba mat-tim nazzjonali u llum hu meqjus bħala wieħed mill-plejers veterani fil-futbol lokali. Fil-karriera tiegħu lagħab ma’ Naxxar Lions, Msida St. Joseph, Birkirkara u Balzan. Hu rebaħ darbtejn il-kampjonat, darbtejn l-FA Trophy u darba l-Plejer tas-Sena fl-2013.