Lokali

ALLEGAZZJONI SERJA: Żagħżugħ li mmarka pożittiv għall-COVID-19 tħalla jdur mal-ajruport

Żagħżugħ ta’ 15-il sena minn Spanja, tħalla jdur u jgħaqad mal-ajruport Malti u sarulu t-testijiet meħtieġa meta wasal mal-Boarding Gate ftit qabel ma qabad titjira – test li rriżulta pożittiv għall-COVID-19.

Dan saħqu fuq il-midja soċjali l-preżentatur kif ukoll ħaddiem fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta, Norman Vella, fejn spjega li sabiex wasal sal-gate, l-istudent Spanjol għadda miż-żona taċ-chek-in, miż-żona fejn isir it-tfittix fuq il-passiġġieri, għadda wkoll mill-ħanut ewlieni tad-Dufry, kif ukoll hemm iċ-ċans li kien fi ħwienet oħra.

Huwa saħaq li ċertament għamel kuntatt ma’ bosta mill-ħaddiema tal-ajruport li kienu xogħol tul il-jum tal-Ħadd. Normann Vella spjega li l-barrani ġie eżaminat quddiem kulħadd fil-gate, liema gate ma ngħalqitx għall-pubbliku wara t-test u ma saret l-ebda fumigazzjoni fil-każ kif sar fuq il-vapur t’Għawdex.

Huwa saħaq li dan mhux qed jaqilgħu minn żniedu imma rah b’għajnejh u insista li hemm filmati tas-sigurtà li jixhdu dan li qiegħed jgħid. Norman appella lill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex immedjatament jaraw ma’ min dan l-istudent kellu kuntatt filwaqt li l-ħaddiema li ser jitpoġġew taħt kwarantina kawża ta’ dan kollu ikollhom ħlas sħiħ tal-pagi tagħhom.

Huwa sostna li qed jistenna wkoll li l-Unions tal-ħaddiema kollha tal-ajruport jinsistu biex dan iseħħ mingħajr aktar dewmien.