Coronavirus Lokali

Anke s-suq tal-propjeta’ iħoss id-daqqa

Anki s-suq tal-propjeta’ u tal-kostruzzjoni ħass id-daqqa tal-miġja ta’ Covid-19 f’pajjiżna. Dan kien ikkonfermat mis-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius

Mistoqsi dwar jekk hemmx miżuri biex itaffu d-daqqa għal min jaqla x’jiekol minn dan is-settur, b’mod partikolari il-ħaddiema, Chris Agius qal li ma hemmx iżda jista’ jkun hemm fil-futur.

Is-Segretarju Parlamentari ta dawn il-kummenti waqt konferenza tal-aħbarijiet mhux tas-soltu barra il-bibien tal-Ministeru għat-Trasport fil-Furjana.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet dwar it-tnedija ta’ liċenzja għal min jaħdem bħala aġent tal-propjeta’, branch manager u sensar. Kull min jaħdem f’dan is-settur għandu jsegwi kors li se jkun offrut mill-MCAST sabiex jingħata din il-liċenzja. L-Obbligu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju.

L-uniċi li huma eżentati minn dan l-obbligu huma dawk li jikkonkludu mhux inqas minn erba’ transazzjonijiet fis-sena, irrispettivament mill-valur ta’ dawk l-erba’ transazzjonijiet.Iż-żmien ta’ konsultazzjoni jagħlaq il-Ħamis, 26 ta’ Marzu.