Coronavirus Sport Waterpolo

Aktar minn qatt qabel qed noqgħod attent fuq in-nutrizzjoni tiegħi – Andreas Galea, plejer tat-tim nazzjonali

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-plejer Malti tal-waterpolo Andreas Galea qed joqgħod attent fuq in-nutrizzjoni tiegħu aktar minn qatt f’dan il-mument diffiċli. Pajjiżna bħalissa għaddej minn sitwazzjoni differenti hekk kif l-isport f’Malta jinsab wieqaf kawża tal-coronavirus. Il-Ħamis li għadda, l-ASA ħadet id-deċiżjoni li twaqqaf il-kompetizzjonijiet kollha akwatiċi, b’konsegwenza li l-logħob kompetittiv twaqqaf ħesrem. Galea li hu plejer tat-tim nazzjonali, qabel mad-deċiżjoni speċjalment wara li sar jaf li l-virus qed jinxtered lokalment.

Il-plejer ta’ San Ġiljan stqarr li hi ta’ dieqa li jkollu jitlef il-logħob u t-taħriġ għaliex fi kliemu “ġiet ir-rutina tiegħi u hi parti kbira minn ħajti.” Għal atleta f’dan il-mument hu importanti li jibqa’ attiv. Mistoqsi dwar kif qed iżomm lilu nnifsu attiv, Galea wieġeb li “f’dan il-mument l-ewwel ħaġa li qed nagħmel hi li nżomm lili u lil ta’ madwari siguri imma l-klabb ta’ San Ġiljan ipprovda workouts biex inżommu lilna nfusna fiżikament tajbin.”

Andreas Galea ilu regolari ma’ San Ġiljan mill-2014 u fil-karriera tiegħu rebaħ il-Kampjonat tas-Sajf fl-2015 u fl-2017, erba’ darbiet konsekuttivi n-knock-out, tliet darbiet il-kampjonat tax-xitwa, tliet darbiet it-Tazza tal-President u ż-żewġ edizzjonijiet tal-Enemed Cup. Hu lagħab fl-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew mat-tim nazzjonali.