Internazzjonali

Coronavirus: Il-Ġermanja tagħlaq il-fruntieri, bi Franza tinkwieta dwar il-qabża fil-każi

Il-Ġermanja saret l-aħħar pajjiż li qed jagħlaq il-fruntieri waqt li l-pajjiżi tal-Ewropa qegħdin ikomplu bl-impenji biex jikkontrollaw il-firxa tal-coronavirus (Covid-19) mill-aħjar li jistgħu. Il-fruntieri ta’ dan il-pajjiż ma’ Franza, l-Awstrija u l-Iżvizzera ngħalqu minn filgħodu, ħlief għat-traffiku kummerċjali.

Intant, Franza qed tikkunsidra sitwazzjoni ta’ lockdown aktar intensiva, bil-Kap tas-Servizzi tas-Saħħa, Jerome Salomon, jammetti li l-konsegwenzi tal-epidemija f’pajjiżu ‘qegħdin jaqilbu għall-agħar f’ċirkostanzi mill-aktar inkwetanti’.

Dan meta Franza għandha aktar minn 5,000 infezzjoni mill-coronavirus u 127 mewta sussegwenti.

Sadanittant, Franza qed tikkunsidra li ssegwi l-eżempju tal-Italja u Spanja u toħroġ direttivi biex in-nies jibqgħu f’darhom. Diġà għalqu l-kafeteriji, ir-ristoranti, is-swali taċ-ċinema u l-maġġoranza tal-ħwienet f’dan il-pajjiż.

L-aħħar statistika mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikkonfermat 164,000 każ ta’ infezzjoni u 6,470 mewta mill-coronavirus madwar id-dinja. Iċ-ċifri jistgħu jinbidlu minn ħin għall-ieħor.

L-Ewropa, issa, saret l-epiċentru tal-coronavirus u l-WHO qed tħeġġeġ biex il-Gvernijiet jaġixxu b’mod aggressiv biex jikkontrollaw il-firxa tal-Covid-19.

Ir-riperkussjonijiet ekonomiċi, fuq livell globali, ukoll huma lok għal tħassib, bil-Banek Ċentrali madwar id-dinja – fosthom il-Federal Reserve tal-Istati Uniti u l-banek ċentrali fir-Renju Unit, l-Iżvizzera, il-Kanada u l-Ġappun – jaqtgħu r-rati tal-interessi fost miżuri oħra biex itaffu l-impatt għall-ekonomija.

Intant, is-swieq tal-ishma fl-Asja u l-Ewropa xorta rreġistraw telf, bil-Kummissarju għas-Suq Intern tal-Unjoni Ewropea, Thierry Breton, jammetti li ‘wieħed għandu jistenna riċessjoni fiċ-ċirkustanzi’. Dan waqt li l-linji tal-ajru madwar id-dinja komplew inaqqsu l-prezz tat-titjiriet, bid-domanda qed tkompli tonqos.

Sadanittant, id-direttivi mill-Ġermanja jfissru li t-traffiku li qed jaqsam mill-fruntieri tagħha u li ġej minn Franza, l-Awstrija u l-Iżvizzera qed ikun ristrett biss għat-trasport ta’ prodotti bażiċi u persuni li qed jivvjaġġaw għal ħtiġiet tax-xogħol.

S’issa ma kenux affettwati l-fruntieri tal-Ġermanja mal-Olanda u l-Belġju, bil-Ġermanja anki tagħlaq l-iskejjel fit-territorji tagħha. Dan wara li l-awtoritajiet f’Berlin, fi tmiem il-ġimgħa, għalqu l-clubs, il-ħwienet tax-xorb u l-fitness centres kollha, bl-ebda ‘gruppi kbar ta’ nies’ mhuma qed ikunu permessi, taħt kwalunkwe ċirkustanzi.

L-Istat Ġermaniż tal-Bavarja ddikjara emerġenza, fost l-għeluq tal-faċilitajiet għad-divertiment u r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tar-ristornati u kafeteriji.

L-entità tat-turiżmu ewlenija tal-Ġermanja, TUI, intant, issospendiet parti sostanzjali tal-operat tagħha filwaqt li talbet l-għajnuna mill-Istat.

Il-Ġermanja, s’issa, għandha qrib il-5,000 każ ikkonfermat tal-coronavirus u 12-il mewta relatata.

Fl-aħħar sigħat, Spanja u l-Portugall qablu biex jillimitaw l-ivvjaġġar relatat mat-turiżmu minn mal-fruntiera komuni u minfejn (issa) jistgħu jaqsmu biss ħaddiema u n-nies li qed iwasslu l-prodotti minn post għall-ieħor. Spanja, fi tmiem il-ġimgħa imponiet lockdown parzjali fuq is-47 miljun abitant bħala parti minn Stat ta’ Emerġenza effettiv għal ħmistax-il jum. Mhux eskluż li, eventwalment, jagħlqu l-fruntieri kollha ta’ Spanja, bis-Stat ta’ Emerġenza jispiċċa estiż.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li l-impatt negattiv tal-coronavirus se jkun ‘wiesgħa ferm’ u li ċ-ċirkustanzi se jeħtieġu ‘pjan ta’ rikostruzzjoni’. Conte saħaq li, wara l-coronavirus, ‘xejn mhu se jkun l-istess bħal qabel’ u li r-regoli kummerċjali u għas-suq ħieles ‘iridu jinkitbu mill-ġdid’.

Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, esprimiet biża’ li l-għeluq tal-fruntieri jista’ iwassal għal sitwazzjoni fejn eluf ta’ sewwieqa tat-trakkijiet jispiċċaw iżolati. ‘Jekk ma naġixxux issa, il-ħwienet se jsibuha diffiċli biex jaħżnu ċerti prodotti’ , sostniet von der Leyen, li qed tħeġġeġ ‘biex is-suq intern komuni ( tal-UE) jibqa’ għaddej’.