Internazzjonali

Coronavirus: Il-miżuri ta’ emerġenza jirrankaw fl-Istati Ewropej

● Il-Greċja qed tagħlaq il-ħwienet kollha ħlief għas-supermarkets, l-ispiżeriji u l-istazzjonijiet tal-petrol…Dan waqt li kulmin qed jasal fil-pajjiż minn barra jrid jgħix taħt kwarantina għal erbatax-il jum.

● L-awtoritajiet fir-Repubblika Ċeka għalqu l-aċċess lejn zona fil-lvant tal-pajjiż u li tkopri l-inħawi ta’ Unicov, Cervenka u Litovel.

● Il-Polonja ssospendiet it-titjiriet domestiċi kollha, wara li kienet ħadet passi simili fir-rigward tal-ivvjaġġar internazzjonali u l-vjaġġi bil-ferrovija.

● Il-Ġorġja qed tipprojbixxi lill-barranin kollha milli jidħlu f’artha.

● Is-Serbja ddikjarat stat ta’ emerġenza hi u tevalwa s-sitwazzjoni fl-artijiet tagħha.

● L-awtoritajiet fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, qegħdin jagħlqu r-ristornati, il-kafeteriji u l-bars, bil-movimenti lejn bliet oħra ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet.

● Fir-Renju Unit, il-kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalu li mhumiex se jkunu inklużi pjani għal rationing tal-ikel fil-leġiżlazzjoni ta’ emerġenza proposta mill-Gvern. Dan meta s-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, se jħabbar aktar dettalji, meta fir-Renju Unit għaddejjin l-isforzi kollha neċessarji biex jaċċertaw li tkompli l-provvista tal-ikel.

● Minn Wales, intant, ħareġ rapport li 30 persuna oħra ttestjaw pożittiv għall-Covid-19, bl-ammont totali tal-infettati f’dan il-pajjiż jitla’ għal 124.