Internazzjonali

Coronavirus: Voluntiera Amerikani għall-provi ta’ tilqima… bid-dinja tittama

L-ewwel prova ta’ tilqima fuq il-bnedmin li ‘il quddiem tista’ isservi bħala protezzjoni kontra l-pandemija tal-coronavirus mistennija tibda fis-sigħat li ġejjin fl-Istati Uniti.

Ir-rapporti qalu li grupp ta’ 45 voluntiera b’saħħithom se jingħataw it-tilqima sperimentali fil-faċilità (għal riċerka) ta’ Kaiser Permanente, f’Seattle. It-tilqima innfisha ma tistax tikkaġuna l-Covid-19 iżda fiha kodika ġenetika kkupjata mill-virus li jikkaġuna l-marda u li ma tagħmilx il-ħsara.

Intant, skont l-esperti, iridu jgħaddu ħafna xhur biex wieħed isir jaf jekk taħdimx din it-tilqima jew il-mezzi ta’ tilqim oħrajn involuti fir-riċerka.

Dan meta x-xjenzati madwar id-dinja qegħdin jgħaġġlu kemm jistgħu għall-fast-tracking tar-riċerka li tista’ tipproduċi mediċina jew tilqima effettiv kontra l-coronavirus.

Din l-ewwel prova fuq il-bnedmin qed tkun iffinanzjata min-National Institutes of Health u, minħabba l-urġenza, mhix issir prova għal jekk it-tilqima tiġġenerax reazzjoni fis-sistemi tal-immunità tal-annimali.

Intant, din it-tilqima kienet prodotta taħt l-ogħla kriterji xjentifiċi u professjonali, bil-kumpanija tal-bioteknoloġija responsabbli mix-xogħol (Moderna Therapeutics) qed tgħid li t-tilqima tibbaża fuq proċess diġà ppruvat u li jissodisfa kull kriterju.